
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Illum hija ġurnata ta’ ferħ għal din il-Parroċċa tal-Qrendi. Ftit ieħor se jkollna t-tberik u l-inawgurazzjoni ta’ tliet qniepen ġodda – Maria, Georgina Petra, u Manuela. Dawn mhux se jkunu sempliċement strumenti pjaċevoli tal-metall, iżda se jsiru vuċi ħajja tal-Knisja. Is-sejħa tagħhom se takkumpanja l-ħajja tal-Poplu ta’ Alla f’din il-parroċċa: isejħu għat-talb, iferrħu fil-festi, isellmu lill-mejtin fl-aħħar vjaġġ tagħhom, u jfakkru lil kulħadd li Alla għadu jgħammar fost il-poplu tiegħu.
Huwa sabiħ li proprju llum il-Kelma ta’ Alla titkellem fuq is-Saltna ta’ Alla. Nistedinkom biex nirriflettu fuq dawn it-tliet parabboli li jsemmi Ġesù.
Jagħtina ż-żmien
Fl-ewwel parabbola Ġesù jurina għalqa fejn il-qamħ u s-sikrana jikbru flimkien. Il-qaddejja riedu jaqilgħu s-sikrana mal-ewwel. Aħna, ħafna drabi, nixtiequ li Alla jneħħi minnufih kull ħażen. Nistagħġbu quddiem il-ħażen fid-dinja, fil-Knisja, u xi kultant fina nfusna. Iżda Ġesù jfakkarna li Alla huwa paċenzjuż. Hu jagħti ż-żmien għall-konverżjoni, għat-tkabbir u għall-ħidma tal-grazzja. Il-ġudizzju huwa tiegħu; il-ħniena hija l-ewwel kelma tiegħu.
Din hija wkoll realtà ta’ kull parroċċa. M’hemmx komunità perfetta. Aħna lkoll qamħ li għadu qed jikber. Xi drabi nitfixklu, xi drabi niżbaljaw, imma Alla ma jaqtax qalbu minna.
Santu Wistin, waqt li jirrifletti fuq din il-parabbola, iwissina biex ma ngħaġġlux niġġudikaw lill-oħrajn, għax, kif jgħid: “Ħafna li llum jidhru sikrana, għada jistgħu jsiru qamħ; u ħafna li llum jidhru qamħ jistgħu jaqgħu jekk ma jipperseverawx”. Kemm hi kbira l-paċenzja ta’ Alla, u kemm għandha tkun kbira wkoll tagħna!
Il-kobor fiż-żgħir
Imbagħad Ġesù jqabbel is-Saltna ma’ żerriegħa tal-mustarda. Żgħira, kważi ma tidhirx, iżda tikber u ssir siġra li tilqa’ lill-għasafar.
Hekk jaħdem Alla. L-akbar opri tiegħu spiss jibdew minn affarijiet ċkejknin. Jekk nieħdu l-ħajja tal-parroċċa: tarbija mgħammda, familja li titlob flimkien, żagħżugħ li jwieġeb għas-sejħa ta’ Alla, anzjana li toffri t-tbatija tagħha b’imħabba, kelma ta’ maħfra, jew att ta’ karità moħbi. Dak li jidher ordinarju u żgħir f’għajnejn il-bnedmin, isir kbir bil-qawwa ta’ Alla.
Il-bidla minn ġewwa
Fit-tielet parabbola, Ġesù jitkellem dwar il-ħmira. Ħadd ma jaraha wara li titħallat mad-dqiq, iżda hi tbiddel l-għaġna kollha minn ġewwa.
Hekk għandha tkun il-ħajja tagħna l-Insara. Mhux bilfors ħajja li tagħmel ħafna ħoss, iżda bil-fedeltà tagħha, bl-onestà u bl-imħabba tagħha, tbiddel id-dinja minn ġewwa.
Missjoni speċjali
Illum dawn it-tliet parabboli jsibu tifsira sabiħa fil-qniepen li se nbierku.
Qanpiena, waħedha, tibqa’ siekta. Tinstema’ biss meta xi ħadd iċaqlaqha. Hekk ukoll aħna. Insiru l-vuċi ta’ Kristu biss meta nħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina.
Il-qniepen ma jippridkawx bil-kliem, iżda kull darba li jdoqqu jkunu qed ixandru l-Aħbar it-Tajba. Jagħtuna messaġġi sbieħ: “Ejjew nitolbu”, “Ejjew niltaqgħu mal-Mulej”, “Erfgħu qalbkom lejn Alla”, “Ifirħu flimkien mal-Mulej”. Ifakkruna li ż-żmien huwa don ta’ Alla u li kull siegħa għandha tkun mixgħula bil-preżenza tiegħu.
Leħen il-qniepen se jasal lil hinn mill-ħitan ta’ din il-knisja. Xi ħadd li ilu ma jidħol il-knisja jista’ jieqaf għal mument u jirrifletti. Oħrajn jistgħu jagħmlu s-sinjal tas-salib. Xi ħadd jista’ jiftakar fit-talb li għallmitu ommu jew li għallmu missieru. Bħaż-żerriegħa tal-mustarda u bħall-ħmira, il-frott tagħhom ħafna drabi jibqa’ moħbi, imma Alla jaf bih.
Il-qniepen, għalhekk, għandhom missjoni unika. Mhux biss li jagħmlu ħoss sabiħ u pjaċevoli, iżda li jfakkru lill-poplu ta’ Alla fis-sejħa tiegħu. Il-vuċi tagħhom għandha twassal lill-bnedmin lejn Kristu. Din hija wkoll it-talba tagħna: li kull darba li nisimgħu dawn il-qniepen niftakru li Alla miexi magħna tul il-jum kollu ta’ ħajjitna, sakemm jasal il-jum meta jsejħilna lejh għal dejjem.
Sena wara sena
Hemm ħsieb ieħor sabiħ. Il-qamħ jikber bil-mod. Iż-żerriegħa tikber bil-paċenzja. Il-ħmira taħdem fis-skiet. Bl-istess mod, il-qniepen ma jwettqux il-missjoni tagħhom b’daqqa waħda. Sena wara sena, ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni, huma jibqgħu jsejħu għall-Quddiesa, għat-talb u għal-laqgħa ma’ Kristu.
Din tal-lum hi ġurnata storika. It-tama tagħna hi li dawn il-qniepen li se nbierku llum, meta aħna ma nkunux għadna hawn, jibqgħu jdoqqu għall-magħmudijiet ta’ tfal li għadhom ma tweldux, għaż-żwiġijiet ta’ koppji li għadhom ma ltaqgħux, u għall-funerali ta’ dawk li għadhom lanqas bdew il-mixja tagħhom fuq din l-art. Għalhekk dawn il-qniepen huma sinjal ta’ tama. Huma rigal mhux biss għalina, iżda għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
U waqt li nberkuhom, ejjew nitolbu lill-Mulej jgħinna biex ħajjitna tkun bħal qanpiena li ddoqq, li twassal il-fidi. Jalla kliemna jxandar dejjem il-verità. Jalla għemilna jkun eku tal-imħabba ta’ Kristu. U kull darba li dawn il-qniepen jinstemgħu f’din il-parroċċa, jalla kull min jismagħhom jiftakar li s-Saltna ta’ Alla tinsab qrib; tikber fis-skiet bħaż-żerriegħa tal-mustarda, taħdem bil-qawwa bħall-ħmira, u ġġib il-frott tagħha skont iż-żmien ta’ Alla.
Marija
F’din l-okkażjoni speċjali, ma nistgħux ma naħsbux ukoll f’Ommna Marija, li lilha hija ddedikata din il-knisja. Hija l-mara li laqgħet il-Kelma ta’ Alla f’qalbha qabel ma ġarritu f’ġufha. Fiha naraw perfettament it-tliet parabboli tal-lum. Bħaż-żerriegħa ċkejkna tal-mustarda, l-“iva” umli tagħha f’Nazaret saret il-bidu tal-opra tas-salvazzjoni għad-dinja kollha. Bħall-ħmira moħbija, hija ħalliet lill-grazzja ta’ Alla taħdem fiha fis-skiet, mingħajr ma fittxet glorja għaliha nfisha. U bħall-qamħ tajjeb li baqa’ fidil sal-ħsad, hija baqgħet wieqfa taħt is-salib u pperseverat fit-tama sal-glorja tal-Qawmien.
U kif il-qniepen se jsejħulna lejn din il-knisja ddedikata lill-Omm ta’ Alla, hekk hi tkompli twassalna dejjem lejn Binha, Ġesù Kristu, għax din l-Omm tal-parir it-tajjeb, kif kienet qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, hekk tgħid lilna wkoll: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Nitolbu llum, aħna u niċċelebraw din l-okkażjoni sabiħa, li d-daqq tal-qniepen dejjem iħeġġeġ f’qalbna dan il-parir tagħha: li nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




