L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Din hija l-mistoqsija li staqsew dawn in-nisa – Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Salomi – meta marru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù bl-iskop li jidilku l-ġisem mejjet ta’ Ġesù. Din kienet ġebla kbira, u kellhom din id-diffikultà kif se jagħmlu biex jirnexxilhom jidħlu fil-qabar.
Huma marru hemm bl-imħabba kbira li kellhom lejn Ġesù. Kienu segwewh fil-ħajja tiegħu, kellhom memorji sbieħ tiegħu, kienu jafu xi bniedem kien, u għalhekk marru biex iqimu l-memorja tiegħu, bħalma aħna mmorru ħdejn il-qabar u nqimu lill-għeżież tagħna. Huma kellhom din id-diffikultà x’se jagħmlu biex jirnexxilhom jidħlu.
Ħasda wara l-oħra
Kienet qed tistenniehom ħasda kbira, anzi aktar minn waħda. Meta waslu hemm, intebħu li fil-fatt il-ġebla kienet fil-ġenb u għalhekk setgħu jidħlu liberament fil-qabar. It-tieni ħasda kienet meta hemmhekk raw żagħżugħ liebes l-abjad, u dan kompla ħasadhom b’sorpriża kbira, sorpriża li qatt ma stennewha: “Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nażaret li kien imsallab. Qam mill-mewt, mhuwiex hawn”.
Kienet aħbar li qatt ma stennew, mhux għax Ġesù ma kienx qal li se jgħaddi mill-passjoni u l-mewt, u jqum mill-mewt. Imma qisu għal ħafna kienet jew, kif jgħidu, ‘too good to be true’, jew ħolma, jew xewqa. Aktar minn hekk, kienu għaddew mill-esperjenza tat-trawma tal-passjoni; meta rawh hemmhekk imut, jispiċċa fix-xejn, ftit qagħdu jaħsbu fuq dak li kien qal jew kif dan seta’ jseħħ. Għalhekk dan iż-żagħżugħ tahom din l-aħbar hekk kbira: Ġesu qam mill-mewt.
Ġrajja li biddlet l-istorja
Hija din l-aħbar li aħna niċċelebraw illum u niċċelebrawha b’ferħ kbir. Din hi l-aħbar li dawn kellhom jgħidu lil Pietru u lid-dixxipli l-oħra; hija din l-aħbar li biddlet l-istorja ta’ dawn li marru fejn il-qabar, tad-dixxipli, tagħna li nemmnu, l-istorja tal-umanità. Kristu qam tassew mill-mewt, Kristu rebaħ il-mewt. Din tibdel għalkollox l-istorja tagħna. Aħna li nemmnu fih qegħdin mexjin wara Kristu li hu rebbieħ.
Dwar l-immigranti li jinsabu fuq il-baħar: Jekk il-mentalità tagħna tkun “ħallihom, isalvaw lilhom infushom”, dak bħan-nies li ħarsu lejn Ġesù msallab u qalulu: “salva lilek innifsek!”
Aħna m’aħniex segwaċi ta’ xi ħadd li għex fil-passat u li spiċċa. Kieku Kristu ma qamx, aħna segwaċi ta’ xi ħadd li għex tant snin ilu, li kien bniedem tajjeb, jagħmel il-ġid, għallem ħafna tagħlim sabiħ, għamel il-mirakli; imma mbagħad sab oppożizzjoni kbira, kellu jħabbat wiċċu ma’ ħafna u spiċċa maqtul. Kieku hu hekk, aħna nkunu qegħdin nagħmlu l-memorja ta’ bniedem li ħaqqu li tfakkru, imma hu bniedem li għadda. Imma meta Kristu qam mill-mewt, inbidlet l-istorja għalkollox. Għalhekk dak kollu li qal wera ruħu bħala l-verità. Aħna mexjin wara Kristu ħaj, li lilna wkoll jagħtina din il-garanzija, kif qal San Pawl: li bħalma Ġesù rxoxta, hekk ukoll aħna li nemmnu fih. Aħna għandna din il-garanzija li tana hu.
Dan ifisser li dak kollu li sar fil-passjoni ma kienx l-aħħar kelma. Wara l-passjoni kont taħseb li l-mibegħda tirbaħ fuq l-imħabba, il-vjolenza tirbaħ fuq il-paċi, il-ħażen jirbaħ fuq it-tajjeb, l-inġustizzji jirbħu fuq il-ġustizzja, il-mewt tirbaħ fuq il-ħajja. Meta Kristu qam mill-mewt, wera li r-rebħa hi tal-imħabba, tal-paċi, tat-tajjeb, tal-ġustizzja, tal-ħajja. Dik hi r-rebħa vera!
Tama li ma tqarraqx bina
Forsi kultant nagħmlu din il-mistoqsija: issa wara li Kristu qam mill-mewt, mhux xorta għadna naraw tant ħażen fid-dinja? Hekk hu, għaliex fl-istorja tal-umanità tiġi ripetuta kemm il-passjoni kif ukoll il-qawmien ta’ Ġesù. Lilna jsejħilna biex aħna nagħrfu t-tama li tfisser din il-ħajja ġdida. Ġesù, meta qam mill-mewt, lilna tana d-dritt għat-tama, tama li ma tqarraqx bina.
Lilna tana d-dritt biex nittamaw verament, u għandna ċ-ċertezza għaliex hu rebaħ il-mewt. Għalhekk din tfisser, l-ewwel nett li l-ħajja tagħna għandha destinazzjoni, ma tispiċċax fix-xejn. Hi l-istess destinazzjoni tiegħu, fejn daħal qabilna hu. Aħna mexjin lejn il-milja tal-ħajja miegħu, għax hu jqajjimna mill-mewt. Il-mewt mhijiex l-aħħar kelma.
Imma wkoll isejħilna biex aħna ngħixu din it-tama hawnhekk fil-ħajja tagħna, u għalhekk biex qatt ma nimtlew bil-biża’, bil-qtigħ ta’ qalb, bis-sens ta’ frustrazzjoni fil-ħajja, u nibqgħu hemm. Dawn kollha esperjenzi li ngħaddu minnhom fil-ħajja tagħna, imma qatt ma nieqfu hemm, għaliex hu tana din it-tama li tmexxina ’l quddiem, tana din il-grazzja ta’ ħajja ġdida li tmexxina dejjem ’il quddiem, u timliena tassew bl-imħabba tiegħu. Il-ġrajja tal-Għid il-Kbir hi l-ġrajja tal-akbar imħabba ta’ Alla, għaliex Alla li bagħat lil ibnu li fdiena, li salvana, issa jagħtina l-ħajja u jagħtihielna b’ħafna u b’ħafna mħabba.
Inkunu aħna sinjal ta’ tama
Hu jsejħilna, lilna lkoll, biex ngħixu dan il-qawmien tiegħu u nkunu sinjal ta’ tama llum. Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ pandemija, u ara d-differenza li tagħmel il-fidi tagħna fi Kristu li hu ħaj. Aħna ma ngħidux, biex nikkunslaw lin-nies, “tibżgħux, kollox se jkun ok”. Aħna ma ngħiduhiex għax ma nafux x’se jkun u kif ikun. Ma nwasslux messaġġ ta’ ottimiżmu li ġieli jkun mhux mibni fuq ir-realtà. Imma aħna nwasslu t-tama li l-Mulej li hu ħaj hu magħna, u jkun magħna fil-mumenti kollha. Jgħinna, għalhekk, fil-mumenti anke diffiċli tal-ħajja tagħna, għax jagħtina t-tama u jmexxina ’l quddiem b’kuraġġ. Din hi t-tama li jagħtina Kristu ħaj.
Ma nistgħux inħallu dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ il-“virus tal-indifferenza” jolqotna u jħallina ma nagħtux kas tal-ħajja umana li trid tiġi salvata, għax l-Għid il-Kbir hu l-akbar vaċċin kontra dan il-“virus tal-indifferenza”.
Irrid insemmi llum li waqt li aħna qed niċċelebraaw bil-ferħ il-Vġili tal-Għid, ma rridux ninsew kemm persuni hawn li għaddejjin minn tbatija. Irrid insemmi l-270 persuna li qegħdin fil-baħar Mediterran, waqt li aħna qegħdin hawn, jistennew l-għajnuna biex ma jispiċċawx taħt l-ilma. Waqt li aħna niċċelebraw l-Għid il-Kbir, ma nistgħux aħna nħarsu lejhom bil-ħarsa li ħarsu lejn Ġesù msallab dawk li sallbuh. Jekk il-mentalità tagħna tkun “ħallihom, isalvaw lilhom infushom”, dak bħan-nies li ħarsu lejn Ġesù msallab u qalulu: “salva lilek innifsek!”
Imma aħna l-mentalità tagħna trid tkun ta’ Kristu, li jgħinna biex ma nħallu lil ħadd li jispiċċa fix-xejn. Min għandu bżonn l-għajnuna biex jgħix, biex isalva, ngħinuh biex isalva. Min għandu bżonn l-ikel, il-ħobż biex jgħix, nagħtuh – aħna li ftit ieħor nieklu l-figolli tal-Għid; u min għandu bżonn l-ilma biex jgħix, nagħtuh – aħna li nixorbu x-xampanja jew affarijiet oħra fl-Għid. Ma nistgħux inħallu dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ il-“virus tal-indifferenza” jolqotna u jħallina ma nagħtux kas tal-ħajja umana li trid tiġi salvata, għax l-Għid il-Kbir hu l-akbar vaċċin kontra dan il-“virus tal-indifferenza”.
Lilna jagħtina t-tama, u jgħinna biex aħna wkoll inkunu nies ta’ tama, speċjalment ma’ dawk li huma fil-bżonn. Nitolbu lill-Mulej li jimlielna qalbna bil-paċi u l-imħabba tiegħu, jgħinna nkunu sinjal ta’ tama għal kulħadd, speċjalment f’dan iż-żmien hekk qaddis, iż-żmien tal-Għid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju