L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tliet ijiem minn dawn il-ġrajja” (Lq 24:21).

Id-dixxipli li aħna ngħidulhom id-dixxipli ta’ Għemmaws diġà kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws u semgħu bl-aħbar tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. Kienu għadhom Ġerusalemm. Il-kliem tagħhom jikxef li huma xhieda ta’ dak kollu li ġara. Huma stess jgħidu: “Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli u qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa imma lilu ma rawhx!” (Lq 24:22-24).

Huwa b’din il-qalb sewda u tqila li dawn iż-żewġ dixxipli jitilqu minn Ġerusalemm. Donnhom huma rappreżentanti tagħna li ta’ kull sena nisimgħu din l-aħbar u wieħed jistaqsi: imma x’effett ikollha l-aħbar tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet fil-ħajja tagħna? Forsi aħna wkoll ma’ dik il-kategorija ta’ dawk li konna nittamaw. U Ġesù se jabbandunana? Ejjew naraw x’jagħmel ma’ dawn iż-żewġ dixxipli li telqu Ġerusalemm, li għalkemm semgħu l-aħbar tal-qawmien, il-qalb tagħhom għadha qalb imtaqqla b’dak kollu li ġara. “Kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh” (Lq 24:20). Li dan “Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fil-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu” (Lq 24:19).

Dawn iż-żewġ dixxipli kienu skandalizzati minn din id-disfatta, minn din l-umiljazzjoni totali, u minn din il-kundanna ħarxa ta’ bniedem innoċeneti. Kienu skandalizzati li l-poteri ta’ din id-dinja donnhom kellhom l-aħħar kelma.

Ix-xhieda tan-nisa ma timpressjonahomx għaliex id-dixxipli l-oħra li marru jiċċekkjaw ma rawhx. U Ġesù x’jagħmel? Jissieħeb magħhom. Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom, ma setgħux jagħrfuh. Min jaf kemm-il darba jiġrilna hekk fil-ħajja tagħna! Mingħalina li Alla telaqna, li kollox falla, u li m’hemmx tama. Il-Mulej innifsu jersaq lejna, jimxi magħna. Imma għajnejna jkollhom xi jżommhom u ma nkunux nistgħu nagħrfuh.

Il-Mulej Ġesù jagħmel żewġ ġesti li aħna niċċelebraw f’kull quddiesa, b’mod speċjali l-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd. L-ewwel nett hu u jimxi magħhom jibda jispjegalhom l-Iskrittura. “Kemmi intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! […]. U jibda minn Mosè u l-profeti” (Lq 24:26-27). Huma l-espressjoni li tiġbor l-Iskrittura kollha. Anke fit-trasfigurazzjoni miegħu jidhru Mosè u Elija, il-Liġi u l-Profeti. “U beda jfissrilhom kullma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (Lq 24:27).

Dan il-mument, huma u jisimgħu l-kelma tiegħu u jisimgħu wkoll l-Iskrittura mfissra mill-Mulej, qalbhom bdiet tħeġġeġ. “Ma kinitx imkebbsa qalbna” jgħidu, ‘ġewwa fina huwa u jkellmina fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?’” (Lq 24:32). Joqorbu lejn ir-raħal ta’ Għemmaws fejn kienu sejrin. Hu kien fehemhom matul it-triq imma ħabbat il-bieb iva, jimponi ruħu qatt. “Għamel tabirrruħu li se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod” (Lq 24:28) imma fil-qalb ta’ Ġesù kien hemm għatx kbir għall-istedina tagħhom. “Ibqa’ magħna għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm” (Lq 24:29). Dan l-ewwel jum tal-ġimgħa li fih sibna l-ħolqien mill-ġdid, li fih il-ħajja rebħet fuq il-mewt, il-grazzja fuq id-dnub, il-paċi fuq l-inwkiet u l-ansjeta ta’ qalbna, “Ibqa’ magħna”. U la stednuh, daħal magħhom biex joqgħod magħhom.

It-tieni ġest ta’ Ġesù huwa dak li aħna niċċelebraw f’kull Ewkaristija. “Waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom” (Lw 24:30). F’dak il-mument fil-“qsim tal-ħobż” (Lq 24:35), huma jagħmlu din l-esperjenza straordinarja, jinfetħulhom għajnejhom dawk li kienu tqal biex jagħrfuh. “Iżda hu għab minn quddiemhom” (Lq 24:31), Ma telaqx imma ma kellhomx bżonn iżjed jarawh bl-għajnejn tal-ġisem, huma li bdew jarawh bil-qalb u bl’għajnejn tal-qalb u l-fidi tagħhom.

Il-Mulej Ġesù jbierek lil dawk li ma rawx u emmnu. Imma llum irridu nissieħbu ma’ dawn iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws u lill-Mulej nitolbuh jibqa’ magħna. Nitolbuh biex jibqa’ jispjegalna l-Iskrittura fil-quddiesa tal-Ħadd u f’kull Ewkaristija li niċċelebraw. Nitolbuh li aħna nkunu nistgħu nagħrfuh fil-qsim tal-ħobż li huwa l-iżjed isem antik li aħna l-Insara użajna għal dik li nsejħulha l-Ewkaristja u l-quddiesa: il-qsim tal-ħobż. Għax il-qsim tal-ħobż mhuwiex biss rit li aħna se niċċelebraw minn hawn u ftit ieħor imma huwa atteġġjament, mod ta’ ħajja, li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, li taqsam ħajtek ma’ min tħobb, li tagħti ħajtek għall-ħbieb, għall-aħwa.

Dan huwa s-sinifikat profond tal-Ewkaristija: li niċċlebraw. Il-ġuħ li għandna għall-Ewkaristja, l-għatx li għandna li nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù huma grazzja li l-Mulej jagħtina imma ma’ din ix-xenqa, ma’ dan l-għatx u l-ġuħ, hu jagħtina wkoll il-mezzi.

It-talba tagħna f’dan l-Għid qaddis huwa li b’impenn nirritornaw lura lejn Ġerusalemm hekk kif għamlu d-dixxipli ta’ Għemmaws. Kien sar ħafna ħin, il-jum kien wasal biex jintemm imma huma bil-ferħ li għarfu lil Ġesù, “Dak il-ħin stess iqumu u jerġgħu lura minn fej ġew. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien” (Lq 24:33), dawk sħabhom li kienu rawhom sejrin b’qalbhom sewda. ‘U iva dawn in-nisa! U dan mhux kollu thewdin’ “U dawn qalulhom: ‘il-Mulej qam tassew. Deher lil Xmun’” u huma d-dixxipli ta’ Għemmaws ukoll “tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:34-35):

X’jiġrilna fit-triq ta’ ħajjitna? Il-Mulej, aħna fejn aħna u aħna min aħna, jissieħeb magħna; ma jitlaqniex, ma jabbandunaniex, iżda jagħtina l-grazzja li nagħrfuh fil-misteru kbir tal-qsim tal-ħobż. Ejjew nitolbu biex bħala Knisja nħossu lill-Mulej miexi magħna din it-triq imwiegħra u diffiċli. Ejjew bil-faraġ li jagħtina nkunu nistgħu nfarrġu lil ħutna, nagħtuhom kelma ta’ ġid u mhux ta’ mrar, kelma ta’ tama u mhux ta’ qtigħ il-qalb. “Il-Mulej qam tassew, hallelujah” (Lq 24:34).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 52, 13 – 53, 12
Salm: 30 (31), 2.6.12-13.15-16.17. 25
Qari II: Lhud 4, 14-16; 5, 7-9
Evanġelju: Lq 24:13-35