Mix-xellug: Rev. Sean Abela, Patri Robert Calleja OFM Conv. u Rev. Jean Claude Attard

Il‑Knisja f’Malta se jkollha tliet saċerdoti ġodda. L‑ordinazzjoni presbiterali mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se ssir nhar is‑Sibt, 14 ta’ Mejju 2022, fid‑9:30 a.m., fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina, u se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

It‑tliet djakni li ser jiġu ordnati saċerdoti huma: Rev. Sean Abela mill‑Parroċċa ta’ San Pawl, ir‑Rabat; Rev. Jean Claude Attard mill‑Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il‑Għajn; u Patri Robert Calleja OFM Conv.

Iċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju qed jistieden liż‑żgħażagħ biex jirriflettu dwar il‑possibbiltà li Alla qed isejħilhom għal ħajja saċerdotali jew reliġjuża. Filmati qosra li ħejja ċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet ilaqqgħuna mad‑diversi esperjenzi li wasslu lil dawn it‑tliet żgħażagħ jiskopru s‑sejħa li għamlilhom Ġesù sabiex ikomplu jingħataw lill‑oħrajn u jaqsmu magħhom is‑sabiħ u l‑ferħ li skoprew matul il-mixja għall‑ħajja saċerdotali.

Il‑komunità tas‑Seminarju u l‑Ordni Franġiskan Konventwali qed jistiednu lill‑Insara biex jingħaqdu magħhom f’mument ta’ talb għal vokazzjonijiet, nhar il‑Ħamis, 12 ta’ Mejju, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Sant’Anna f’Wied il‑Għajn fis‑7:00 p.m.