• Nhar it‑Tlieta 6 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa tal‑Milied mal‑istudenti tal‑Iskejjel tal‑Knisja, tal-Istat u Indipendenti, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Il-prietka tal-Milied saret minn Carla Cutajar u l-pageant saret mit-tfal tal-iskola primajra St Joan Antide, Gudja.
    Click here to see all photos of the Celebration of Mass.

    Celebration of Mass on YouTube

     
     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

     
  • Konkatidral ta San Ġwann, il-Belt Valletta
    6 ta’ Diċembru 2016

    Jiena wkoll nawgura lill-anġli, lill-Madonna, lil San Ġużepp, il-baqra u l-ħmara, u xtaqt li dawn ir-ragħajja u n-nagħaġ jitilgħu ħdejja biex aħna nifhmu x’qed jgħid Ġesù fl-Evanġelju tal-lum (Mt 18, 12-14). Għax aħna fil-presepju nfakkru li l-ewwel tħabbira tal-Milied saret lir-ragħajja li kienu qed jieħdu ħsieb in-nagħaġ tagħhom.

    L-ewwel nett ir-ragħajja dak iż-żmien ma tantx kienu meqjusa, nies li mhux biss kienu fqar, imma mwarrbin. Kellhom ftit fama ħażina, imma l-ewwel aħbar ingħatat lilhom kif qaltilna Carla fil-priedka tal-Milied. L-anġli qalu: “Glorja ’l Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba, “maħbubin mill-Mulej” (ara Lq 2, 14). Dawn kienu l-ewwel nies, bil-merħliet tagħhom li rċivew din l-aħbar. Iridu jfakkruna li l-Mulej huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li joħroġ ifittex in-nagħġa l-mitlufa. Meta kiber Ġesù qabbel lilu nnifsu mar-ragħajja u lilna qalilna: “intom il-merħla, itolbu biex ikun hemm ragħaj wieħed u merħla waħda” (Ġw 10, 16).

    Dawn kollha huma rappreżentanti tagħna, imma fl-istess ħin ifakkruna f’Ġesù, kemm ir-ragħajja għax qal: “jiena r-ragħaj it-tajjeb” (v. 11) u kemm in-nagħaġ għax hu l-ħaruf ta’ Alla. Meta jkolli l-Ostja kkonsagrata f’idejja: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla”, xi tfisser? Għaliex hu ġie ssagrifikat, bħal ħaruf, issagrifikat biex ineħħi d-dnubiet tad-dinja. San Ġwann il-Battista li tiegħu għandna l-istatwa sabiħa hemmhekk qiegħed jgħammed lil Ġesù, lid-dixxipli tiegħu urihom lil Ġesù qalilhom: “Dak hu l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1, 29). Illum fl-Evanġelju smajna lil Ġesù jitkellem fuq ir-ragħaj it-tajjeb li joħroġ ifittex in-nagħġa l-mitlufa. Il-bravi jħalliehom fil-maqjel u jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa (Mt 18, 12).

    Aħna qed infakkru bniedem li tlett mitt sena wara Ġesù kien ragħaj tajjeb ukoll, San Nikola. Kien Isqof f’dik li llum hija t-Turkija għalkemm il-ġisem tiegħu imbagħad ġie translat, wara ħafna snin, f’Bari, għalhekk jgħidulu San Nikola ta’ Bari wkoll, imma hu ma kienx Isqof ta’ Bari, kien Isqof fit-Turkija tal-lum. Kien bniedem li jħobb ħafna l-poplu tiegħu, ma kienx jiddejjaq jgħidilhom il-verita, u kien jiddefendi ħafna lit-tfal u liż-żgħażagħ.

    Għalhekk illum, fl-Ewropa ta’ Fuq, jagħmlu festa kbira għal Santa Klaws, dak li mbagħad sar Father Christmas, b’żaqqu ħoxna, imma fin-Nord tal-Ewropa San Nikola jkollu kappa ħamra, mitra ħamra u dak hu l-veru Santa Klaws. Aħna rridu nifhmu l-oriġini anke ta’ dawn il-personaġġi għax ħafna drabi nlibbsuhom libsa li tnessina min huma. Santa Klaws huwa r-ragħaj it-tajjeb li jħares lill-ulied tal-Mulej, li jħares liż-żghażagħ u lit-tfal.

    Aħna llum niċċelebraw il-fatt li bdejna din il-kampanja ‘Milied flimkien’, li hija ppreseduta mill-E. T. il-President tar-Repubblika u nitolbu li jkollna tassew Milied flimkien bħalma qaltilna Carmen. Nitolbu biex fil-pajjiż tagħna jkun Miled sabiħ għal kulħadd b’mod speċjali dawk li meta jħarsu lejn l-aħħar tax-xahar, ikun baqagħlhom jew ftit flus jew xejn għax m’għandhomx paga biżżejjed. Niftakru wkoll f’dawk li għandhom ħafna flus biex ikollhom il-ħila u l-ġenerożità kif jagħmlu naf żgur, jiftakru f’min hu inqas iffortunat minnhom. Jien nixtieq nirringrazzjakom wkoll għeżież studenti tal-ġenerożità tagħkom f’kull appell ta’ karità.

    L-aħħar ħsieb tiegħi huwa dan: fil-presepju m’hemmx biss bnedmin imma hemm il-baqra, u l-ħmara, hemm in-nagħaġ, il-ħolqien kollu huwa rappreżentat fil-presepju. Hemm l-Iben t’Alla magħmul bniedem, hemm l-anġli tas-sema. Il-presepju huwa xbieha sabiħa tal-ħolqien kollu. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nieħdu ħsieb xulxin u nieħdu ħsieb ukoll il-ħolqien. Jiena naf li intom tħobbuhom ħafna l-annimali, hemm bżonn inħobbu wkoll l-art twelidna. Nitolbu biex ma ssirx kollha konkos u siment, imma jibqagħlna għelieqi, is-siġar, il-fjuri, u din hija talba li nixtieq nagħmlu flimkien f’dan il-Milied ħalli min għandu bżonn is-sens, isibu.

    Nawguralkom mill-qalb Milied hieni u sena mimlija risq u barka.

     Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja