Photo by Pixabay from Pexels

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jien hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?”  (Mt 3:14) Din kienet l-oġġezzjoni ta’ Ġwanni l-Battista meta, hu u jgħammed, tfaċċa Ġesù u ried li jitgħammed hu wkoll. Fl-Evanġelju skont San Mattew jgħidilna “ma ħalliehx”; imma mbagħad, meta kellmu Ġesù, ħallieh jitgħammed.

X’kienet l-oġġezzjoni ta’ Ġwanni l-Battista? Ġwanni kien jgħammed “magħmudija ta’ ndiema” (Mk 1:4). In-nies li kienu jmorru għandu biex jitgħammdu, kienu jagħmlu dan biex jistqarru dnubiethom – li huma midinbin – u jitolbu maħfra lil Alla. Ġwanni kien ġa qal fuq Ġesù li ġej wieħed li hu aqwa minnu (Ġw 1:30), li hu qiegħed hemm biex iħejjilu t-triq, “jeħtieġ jikber hu u niċkien jien” (Ġw 3:30). Imbagħad l-ikbar oġġezzjoni ma kinitx għax Ġesù kien aqwa minnu, imma għax Ġesù, li ma kellux dnub, ġie biex jitgħammed. Għalfejn mar jitgħammed Ġesù? X’kien l-iskop li jersaq għall-magħmudija? 

Ġesù ma marx jitgħammed minn Ġwanni biex jinħafrulu jew jitlob maħfra ta’ xi ħtijiet tiegħu. Imma Ġesù mar hemmhekk biex jitgħammed ħalli jieħu fuqu l-ħtijiet tal-umanità. Meta jinżel fl-ilma, jidħol fil-ħajja tal-bnedmin kollha, biex jerfa’ hu d-dnubiet tal-umanità, u jsalva lill-umanità. Hawnhekk għandna proprju l-missjoni ta’ Ġesù f’din il-ġrajja sabiħa tal-magħmudija. Għalhekk għandna dak il-leħen tal-Missier li jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż: fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Mt 3:17). Hemmhekk għandna t-Trinità Qaddisa preżenti, li għalhekk tagħti tifsira ġdida għal kollox lill-magħmudija. Meta Ġesù mar biex jitgħammed, mhux l-ilma qaddes lilu imma hu qaddes l-ilma, u ta tifsira ġdida lill-magħmudija.

Aħna tgħammidna fl-isem tat-Trinità – kull wieħed u waħda minna tgħammidna fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Permezz tal-magħmudija, aħna sseħibna fil-ħajja ta’ Ġesù – biex inkunu ma’ Ġesù, ta’ Ġesù, salvati minnu, u biex nagħmlu ħilitna ħalli ngħixu l-istess stil ta’ ħajja tiegħu. Għalhekk hija okkażjoni daqshekk sabiħa l-magħmudija, għalhekk aħna bil-magħmudija tagħna nissieħbu ma’ Ġesù.

Meta aħna naħsbu fil-magħmudija ta’ Ġesù, hu importanti li naħsbu wkoll fil-magħmudija tagħna, u niftakru li ma kinitx biss rit ta’ darba, imma hi dak li għandna ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kull jum. Ħafna minna tgħammidna meta konna żgħar ħafna, trabi. Dakinhar il-ġenituri ħaduna biex aħna nirċevu l-magħmudija. Ma kinitx għażla tagħna, imma kienet għażla tagħhom. Huma għażlu li aħna nitgħammdu. Għamlu sew li għammduna meta konna żgħar? Dażgur li għamlu sew! Għaliex meta konna żgħar, riedu jagħtuna, permezz tal-magħmudija, l-isbaħ u l-aħjar, bl-iskop li ’l quddiem, jekk aħna naqblu, nikkonfermaw – kif għamilna fil-fatt, ħafna minna żgur, fis-Sagrament tal-Konfermazzjoni, meta kkonfermajna l-għażla sabiħa li għamlu għalina l-ġenituri tagħna meta konna għadna żgħar ħafna. Għalhekk, meta niftakru fil-magħmudija tagħna, l-importanti hu li nagħrfu kif għandna ngħixu tassew bħala ulied adottivi ta’ Alla, bħala dawk li nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu dak li hu ħażin – bħall-wegħdiet li nagħmlu fil-magħmudija meta niċħdu x-xitan u l-ħażen, u nagħżlu l-ħajja ta’ Ġesù – u ngħixu wkoll bħala membri ħajjin ta’ din il-komunità li hi l-Knisja. Bil-magħmudija aħna lkoll għandna s-sejħa li nagħtu sehemna bħala dixxipli ta’ Ġesù.

Nirringrazzjaw lill-Mulej, aħna u niċċelebraw il-magħmudija tiegħu. Nirringrazzjawh għal dak li tfisser għalina fil-ħajja tagħna. Speċjalment nitolbuh illum biex nagħrfu l-valur kbir tal-magħmudija tagħna, ħalli ngħixu tassew dak li rċevejna fil-magħmudija, ngħixu tassew bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum, u, permezz ta’ dan, nagħtu xhieda li aħna ta’ Ġesù.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta