• Il-Ħadd 23 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill-adoloxxenti fill-Knisja tal-Baħrija.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja tal-Baħrija
    23 ta’ Ottubru 2016

    Qed nieħu pjaċir li intom iż-żagħażagħ se tirċievu s-sagrament tal-Griżma u nixtieq li tisimgħuni sew f’dawn il-ftit riflessjonijiet.

    Illum smajna Evanġelju sabiħ ħafna li għandu tagħlima importanti li nixtieqkom ma tinsew qatt, mhux intom biss imma anke l-parrini għeżież tagħkom, u l-ġenituri, ilkoll kemm aħna. Mela Ġesu innota li kien hemm grupp, kieku llum aħna ngħidulhom nies tal-Knisja, imma nies tal-Knisja – dawn kienu l-Fariżej. Dawk li l-Evanġelu jgħidilna li kienu jaħsbu li huma ġusti u jmaqdru lil ħaddieħor. Dawn kienu jaħsbu li huma ġusti bil-qawwa tagħhom infushom. Mela kellhom it-tama, jgħid l-Evanġelju, fihom infushom kienu  jafdaw fihom infushom għall-ġustizzja tagħhom.

    Issa l-Evanġelju, ħa ntikom hint, meta nisimgħu jew naqraw il-kelma ‘ġust’ aħna llum ngħidulha ‘qaddis’, hija l-istess. Per eżempju, San Ġużepp, l-Evanġelju jgħidilna li ‘kien raġel ġust’ għaliex kien raġel li jagħmel ir-rieda tal-Missier, raġel qaddis. Ma jfissirx li ma kellux difetti, kulħadd ikollu d-difetti tiegħu imma kien raġel ġust.

    Dawn kienu jaħsbu li huma ġusti bil-qawwa tagħhom infushom. Jiena nixtieqkom li lkoll tkunu ġusti u lkoll qaddisin, imma mhux bil-qawwa tagħna, imma bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li se jissawwab fuqkom, b’mod speċjali llum. Ġesu biex jgħallimna x’jixtieq minna, jagħtina din il-parabbola, parabbola hija storja li tgħallem. Żewġt irġiel, wieħed nimmaġinah jien, mustaċċun, jgħidlu lill-Mulej: “ara, Mulej, jien mhux bħall-oħrajn”. Jibda jagħmel il-litanija tal-midinbin: ħallelin, inġusti, żienja, jew ‘jien mhux bħall-Publikan li hemm wara”. U jgħidlu wkoll “jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa” illum kieku jgħid l-Erbgħa u l-Ġimgħa, “u nħallas l-għexur”. L-għexur kienu għaxra fil-mija ta’ kull ma tagħtih fis-sinagoga, jew it-tempju, illum il-Knisja. Dan ir-raġel x’jirrifletti llum? L-ewwel nett dan il-Fariżej ikasbar lil ħaddieħor, jgħajjar lil ħaddieħor b’dak li m’għandux. Mingħalih ser jixtri lil Alla, imma Alla ma jinxtarax. Alla mhux ser jimpressjona ruħu billi tgħidlu, “isma’ jiena aħjar minn ħaddieħor, dejjem immur il-Knisja; ara se titla’ s-Super 5, ara li trebbaħni issa!” Din il-ħaġa li lil Alla rridu nikkontrollawh aħna.

    Il-Pubblikan, minsi, “bilwieqfa fil-bogħod, anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!” B’dik il-verità fuqu nnifsu, b’dik l-umiltà kollha, l-Evanġelju jgħidilna li, “niżel id-dar iġġustifikat”. Għaliex hija importanti din il-kelma? Il-Fariżew kien jaħseb li hu ġust b’dak kollu li qed jagħmel hu, bil-karità li qed jagħmel, jew bid-donations li jagħti fil-Knisja, b’hekk ġust. M’għandux bżonn lil Alla dak. Mentri l-pubblikan jgħidlu, “jien għandi bżonnok”, “aħfirli”, u Alla jagħmlu “ġust”.  

    Il-kelma ġustifikazzjoni ġejja minn żewġ kelmiet, ‘iusti-ficationem’ (mill-Latin), tfisser ‘tagħmel ġust’. Jien mhux ġust, għax jiena bravu, imma huwa Alla li jagħmilni ġust. Jagħmilni qaddis.

    Issa tibdew tikbru, raskom tibbies, forsi niltaqa’ mal-ġenituri tagħkom fi ftit xhur oħra u jgħiduli, ‘veru għedtilna’. Tkunu qed tikbru u tfittxu l-libertà tagħkom. Tiżviluppaw, mhux biss fl-ġisem imma anke fil-moħħ tagħhkom. Dan li ser tirċievu llum, is-sagrament li bih Alla jqaddiskom bl-Ispirtu Qaddis tiegħu. Se ġġeddu wkoll il-magħmudija tagħkom, għax fil-magħmudija il-wegħda għamluh l-ġenituri tagħkom minflokkhom. Issa intom adulti u kapaċi tgħidu, ‘jiena kapaċi inwiegħed xi ħaġa’. Aħna nifirħu magħkom illum għax intom qed tagħżlu li qed tħallu lill-Mulej jagħmilkom qaddisin. Il-Mulej huwa ħerqan li jagħtikom il-qawwa tiegħu.

    Dan l-ambjent sabiħ li bnejtu intom in-nies tal-Baħrija, din il-knijsa trid verament tkun id-dar fejn il-komunità tikber fl-imħabba għal xulxin, u tħallu lill-Mulej jagħmilkom ġusti.

     Charles J. Scicluna              
         Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office