Photo by Pixabay

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Il-Mulej dan!” (Ġw 21:7) Dan hu l-kliem li qal id-dixxiplu l-maħbub, fl-Evanġelju skont San Ġwann, kliem li bih jistqarr li Ġesù huwa ħaj. 

Hawnhekk għandna r-rakkont sabiħ ta’ dawn is-seba’ dixxipli li marru biex jistadu. Pietru qalilhom “sejjer nistad” (Ġw 21:3), u marru miegħu. Għalkemm ħafna minnhom kienu jifhmu fis-sajd, dakinhar ma qabdu xejn. U meta reġgħu lura, jaraw xi ħadd fuq ix-xatt. Ma għarfux li kien Ġesù. Imma meta dan jgħidilhom “waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu” (Ġw 21:7), dawn kellhom l-intuwizzjoni li jipprovaw. Għamlu hekk, u fil-fatt qabdu ħafna u ħafna ħut – xibka b’153 ħuta kbira. Kien f’dan il-mument li huma għarfu li dan kien Ġesù, Ġesù ħaj – hawnhekk qed nitkellmu fuq rakkont ta’ ġrajja wara l-mewt tiegħu.

Minn fejn għarfu li hu Ġesù? Mill-kelma tiegħu, kelma qawwija, kelma li tagħmel dak li tgħid, kelma li tagħmel il-ġid u ġid b’abbundanza. Fil-fatt kienu jaf lil Ġesù hekk qabel ma miet. Dawn id-dixxipli kienu jafu li Ġesù kellu din il-kelma qawwija, li biha kien iseħħ dak li jgħid, kelma li dejjem tagħmel il-ġid.  Hemm rabta ta’ din il-ġrajja tal-lum, dan ir-rakkont, ma’ dak li naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa pjuttost lejn il-bidu, fil-ħames kapitlu, meta Ġesù darba jitla’ fuq dgħajsa li kienet ta’ Xmun, jiġifieri ta’ Pietru; u wara li jgħallem lin-nies,  jgħidlu: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5:4). Dakinhar kien hemm anke Ġwanni u Ġakbu fost oħrajn. U Xmun jgħidlu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). U hekk għamlu dakinhar, u San Luqa jgħid li qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek kien għoddu nqasam. 

Araw ix-xebh ta’ dan ir-rakkont li smajna llum ma’ dak li jgħid San Luqa, bid-differenza li f’ta’ San Luqa, id-dixxipli kienu għadhom fil-bidu nett ma’ Ġesù, u Xmun jgħidlu “Mgħallem”. Hawnhekk, id-dixxiplu jgħid “Il-Mulej dan!”. “Mgħallem” huwa dak li nimxu warajh għax il-kelma tiegħu hi dik li tiggwidana; imma “il-Mulej” ifisser aktar. Ifisser li dan hu Ġesù li rebaħ il-mewt, dan hu Ġesù li l-kelma tiegħu hi rebbieħa. 

X’jgħidilna għall-ħajja tagħna dan ir-rakkont sabiħ tal-Evanġelju llum? Ifakkarna kemm il-kelma ta’ Ġesù għalina hi kelma qawwija, kelma li tagħmel id-differenza f’ħajjitna, kelma li tagħmel il-ġid u l-ġid bl-abbundanza. Għalhekk il-kelma ta’ Alla tħeġġiġa biex niftħu qalbna għal dak li jgħid Ġesù, u nfittxu dak li jgħidilna hu, għaliex hu jurina d-direzzjoni tajba għall-ħajja tagħna, bħalma qal lid-dixxipli: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu”. Imma hemm ħaġa oħra importanti fil-kelma ta’ Alla llum: li Ġesù jridna nagħmlu l-isforz tagħna. Hawnhekk, meta d-dixxipli wrew lil Ġesù li ma kienu qabdu xejn ħut, Ġesu seta’ qalilhom: issa ejjew hawn, u nipprovdi jien. Fil-fatt, ninnutaw li wara li qabdu l-ħut u ġew lura, raw lil Ġesù  bil-ħut fuq il-faħam u l-ħobż. Jiġifieri diġa kellu Ġesù, u seta’ pprovda minn hemm; imma ried li huma jagħmlu l-isforz tagħhom. Fid-direzzjoni li jgħidilhom hu, imma ried li  huma jagħtu l-kontribut tagħhom. Fil-fatt jgħidilhom: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu” (Ġw 21:10). Dawn imorru flimkien: il-kelma ta’ Alla li turina d-direzzjoni t-tajba, imma l-isforz li rridu nagħmlu aħna wkoll biex nimxu f’din id-direzzjoni.

Għalhekk, din hi t-talba li nagħmlu lill-Mulej illum: nitolbuh li jkollna dejjem qalbna miftuħa għall-kelma tiegħu, speċjalment fit-talb, għall-kelma li turina f’liema direzzjoni għandna nimxu. U nitolbuh ukoll jgħinna nagħmlu dejjem l-isforz tagħna ħalli nimxu fid-direzzjoni li jurina hu. 

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta