(Lemin għax-xellug) Patri Joe Gauci Sacco SJ, L-E.T. il-Kummissarju Għoli Malti għall-Indja, Sr Emmanuel Borg u Patri Peter Marandi SJ (kappillan ta’ Murguni)

Fil-jiem li għaddew, iI-Kummissarju Għoli Malti għall-Indja Reuben Gauci żar il-komunità Maltija tal-Ġiżwiti li hemm f’Dumka l-Indja. F’din il-komunità fadal żewġ patrijiet Maltin li ilhom hemm sa mis-snin 50, Patri Joseph Gauci Sacco SJ u Patri Paul Aquilina SJ.

Ma’ Newsbook.com.mt, Gauci spjega li din kienet it-tieni żjara tiegħu lil din il-komunità, wara dik ta’ Diċembru tal-2020. Fisser kif dawn iż-żjarat itellgħu l-moral tal-patrijiet.

Patri Paul Aquilina SJ, li wasal fl-Indja fl-1954 u Patri Joseph Gauci Sacco SJ, li wasal fl-1957 huma l-aħħar żewġ patrijiet Maltin li fadal hemmhekk għax ħafna mill-patrijiet mietu hemmhekk u jinsabu midfunin hemmhekk stess.

Minkejja li dawn iż-żewġ patrijiet tgħallmu l-lingwa tat-tribù tal-post, is-Santal, li hu l-ikbar tribù Indjan huma xorta waħda żammew l-ilsien Malti ħaj. Illum il-komunità tal-Ġiżwiti Indjani tinkludi fiha ammont sonstanzjali ta’ żgħażagħ.

Id-djoċesi li din il-komunità hi parti minnha tissejjaħ Bint Malta għax kienu numru kbir ta’ Ġiżwiti li waqfu dan il-post li fih hemm id-dar tal-Ġiżwiti bl-isem ta’ Jisu Jaher.

Il-Kummissarju għoli għall-Indja qal ma’ dan is-sit li huma ċċelebraw l-ewwel tas-sena b’quddiesa, filwaqt li l-Indjani ffesteġjaw il-bidu tas-sena bil-logħob tan-nar u l-kant. L-għada mar iżurhom Mons. Julius Marandi, l-Isqof ta’ Djoċesi ta’ Dumka mit-tribù tas-Santal stess. Żar ukoll il-Knisja tal-Monte Carmelo li hemm f’Murguni, li nbniet ftit tas-snin ilu mill-patri Malti Fr Julian Cachia għall-komunità tas-Santal.

Sors: Newsbook.com.mt