Tlesta l‑proġett ta’ konservazzjoni u restawr tat‑tmien pitturi fuq il‑ġebla tal‑koppla tal‑Bażilika Minuri ta’ Sant’Elena f’Birkirkara. Dan il‑proġett sar b’investiment ta’ €162,000, li 80% minnhom kienu kofinanzjati minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Il‑proġett ġie inawgurat illum mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l‑Prepostu Mons. Paul Vella.
Ix‑xogħol ta’ restawr fuq il‑pitturi tal‑artist Taljan Virginio Monti sar wara studju tekniku dettaljat. Fis-snin tmenin kien diġà sar intervent ta’ restawr fuq dawn il-pitturi mill‑artist u restawratur Samuel Bugeja minħabba l‑umdità u l‑ilma li daħlu mill‑koppla. Madanakollu, fl-2018 ġie nnutat li d-deterjorazzjoni tal-pitturi baqgħet għaddejja u biex ma jkomplux iġarrbu iktar ħsarat sar intervent ta’ konsolidazzjoni, tindif u integrazzjoni kif ukoll analiżi xjentifika fuq il-pitturi. Il‑parroċċa ħadet ħsieb ukoll li tirrestawra l-koppla minn barra biex tiżgura li ma ssirx iktar ħsara.
Waqt l‑inawgurazzjoni ta’ dan ir‑restawr, l‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li l‑Knisja f’Malta għandha l‑impenn kostanti li tħares il‑patrimonju artistiku u reliġjuż li hu tant sabiħ. “Din il‑ħidma tgħinna biex dejjem napprezzaw u ngħożżu dak li rċevejna mill‑antentati tagħna u li kien espressjoni ta’ fidi ħajja, u nħallu lill‑ġenerazzjonijiet tal‑futur patrimonju tassew għani ħalli jista’ jitgawda wkoll minn ta’ warajna u ma jsibux biss bini għoli imma bini sabiħ li jerfa’ ħsibijiethom u qalbhom lejn is‑sema.” L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lill‑poplu Karkariż, lill‑Prepostu Mons. Paul Vella u lill‑Kapitlu tal‑Bażilika, kif ukoll lis‑Segretarjat Parlamentari għall‑Fondi Ewropej tal‑kontribut siewi tagħhom.
Is‑Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li r‑restawr li sar fil‑Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara huwa parti minn proġett ferm akbar li jinkludi numru ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex bil‑għan li ssir konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal‑wirt kulturali reliġjuż madwar il‑Gżejjer Maltin. Dr Zrinzo Azzopardi qal li “dawn huma fondi li jmorru fil‑qalba tal‑lokalità u direttament għand in‑nies hekk kif il‑komunità kollha se tkun tista’ tgawdi mis‑sbuħija ta’ dawn ix‑xogħlijiet flimkien mat‑turisti li jżuru lil pajjiżna għal wirt kulturali tiegħu”.
Fid‑diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li minbarra l‑pitturi tal‑koppla, sar ukoll restawr fuq il‑lanterna, il‑parti fejn hemm it‑twieqi tal‑koppla. Huwa rringrazzja lil Atelier del Restauro, EMCS, u lil Dr Mark Sagona tal‑kontribuzzjoni esperta tagħhom.
Il‑pitturi tal‑koppla tal‑Bażilika Minuri ta’ Sant’Elena, li saru bejn l‑1906 u l‑1910, huma l‑ewwel xogħol ta’ Virginio Monti f’Malta. Il‑pitturi juru t‑trijonf tas‑Salib Imqaddes fil‑Ġudizzju Universali u xeni differenti mill‑ħajja ta’ Sant’Elena u binha l‑Imperatur Kostantinu l‑Kbir.