-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
8 ta’ April 2018L-Evanġelju li għadna kemm smajna jgħaqqad il-Ħadd tal-Għid ma’ dak li ġara tmint ijiem wara bħal-lum. Qegħdin niċċelebraw dan il-Ħadd bħala l-Ħadd tal-Ħniena Divina għaliex Ħadd fuq l-Għid, fit-tieni Ħadd tal-Għid, meta l-imgħammdin il-ġodda għall-ewwel darba jmorru għall-Ewkaristija tal-Ħadd bħala membri sħaħ tal-komunità, minn dejjem jinqara l-Evanġelju fejn il-Mulej jagħti l-aqwa don lid-dixxipli tiegħu: “Il-paċi magħkom, is-sliem għalikom” (Ġw 20, 19).
Jekk hemm rigal li l-Mulej jagħti u li huwa verament tiegħu, kif jgħid hu stess, huwa din il-paċi “mhux bħalma tagħtihielna d-dinja imma kif jagħtihielna hu” (ara Ġw 14, 27). Hija paċi li għandha prezz għażiż u għoli: il-pjagi tiegħu. Fil-fatt, it-tislima tiegħu tagħtina l-paċi imma hu jurina wkoll idejh u ġenbu biex aħna u nħarsu lejn il-pjagi qaddisa tiegħu, nifhmu kemm hu għażiż dan ir-rigal, beix nifhmu l-prezz għoli li l-Mulej kellu jħallas għar-rikonċiljazzjoni tagħna għax din il-paċi hija frott tal-maħfra li jagħtina.
Hu qalgħalna l-maħfra; seta’ jsejjaħ lil Alla tiegħu, Alla tagħna, seta’ jsejjaħ lill-Missieru tas-sema, Missierna. Aħna nistgħu nitolbu t-talba tal-Missierna għaliex aħna tassew ulied il-Missier u fl-istess talba l-Mulej jgħallimna nitolbu maħfra ta’ dnubietna u jgħallimna wkoll naħfru lil min hu ħati għalina “Aħfrilna dnubnietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Lq 11, 3).
It-triq tal-fidi hija t-triq li ma tibżax mill-pjagi tal-Mulej, li qegħdin fostna fit-tbatija ta’ min hu magħkus.
Tmint ijiem wara, Tumas, li ma kienx hemm fl-ewwel Ħadd filgħaxija, jiltaqa’ mal-Mulej u jkollu l-opportunità jmiss il-pjagi ta’ Ġesù. Il-Mulej stess jgħidlu: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi”. Aħna u mmissu l-pjagi ta’ Ġesù, il-Mulej ukoll ifejjaqna min-nuqqas ta’ fidi. “Tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (ara Ġw 20, 27-29).
It-triq tal-fidi hija t-triq li ma tibżax mill-pjagi tal-Mulej, li qegħdin ukoll fostna fit-tbatija ta’ min hu magħkus. Fl-inġustizzji ta’ madwarna hemm il-pjagi ta’ Ġesù u l-Mulej ikompli jgħidilna biex inressqu jdejna u npoġġuhom fuq il-pjagi ta’ madwarna għaliex jekk aħna ma nħarsux lejn il-proxxmu kif jilmħu hu, ma nistgħux ngħidu li l-fidi tagħna hija vera. Għax il-fidi tagħna, li titqanqal bl-immaġini ta’ Ġesù fl-istatwi, fil-purċissjonijiet tagħna, fid-devozzjonijiet kollha tagħna li għaddejna minnhom fil-ġranet qaddisa tal-Ġimgħa Mqaddsa, trid tkun ukoll fidi, li meta tiltaqa’ mal-pjagi ħajja ta’ Ġesù fis-sofferenza tal-bnedmin tal-lum, titqanqal ukoll fl-istess sentimenti ta’ ħniena, il-ħniena mhux biss biex nitolbu l-maħfra ta’ dnubietna, imma l-ħniena hija wkoll espressjoni tal-imħabba lejn il-proxxmu. U l-ikbar ħniena hija li taħfer lill-għedewwa u ta’ dan nitolbu l-grazzja speċjali mingħand il-Mulej.
Jekk inħarsu lejn il-figura straordinarja ta’ San Ġwann Pawlu II, naraw eżempji qawwija u ħajjin ta’ dawn il-virtujiet. Min jista’ jinsa dik ix-xena tal-Papa Ġwanni Pawlu II jiltaqa’ ma’ Ali Agca fil-ħabs? Meta waqt li jitkellem miegħu jurih li fil-konfront ta’ min ried joqtlu għandu sentimenti ta’ ħniena u ta’ maħfra? Kemm-il darba talab maħfra tal-inġustizzji li aħna l-Insara stess nagħmlu lil xulxin u lill-proxxmu tagħna? Kemm-il darba l-kliem tiegħu qawwihom bl-eżempju?! U l-qdusija tiegħu hija kewkba kbira fil-firmament tal-Knisja.
Illum nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġwann Pawlu II, li miet propju lejlet il-Ħadd tal-Ħniena Divina fl-2005, biex jieqaf mal-Knisja tiegħu u nimxu fuq il-passi li fihom jindikalna u li qiegħed jindikalna l-Papa Franġisku li sejjaħ is-Sena tal-Ħniena biex jagħti t-togħma, mhux biss lill-Pontifikat tiegħu, imma lill-missjoni imġedda tal-Knisja li twassal il-ħniena lil kulħadd u li tkun ukoll eżempju ta’ maħfra u ta’ rikonċiljazzjoni.
I would like to share a few thoughts about the feast we are celebrating today after the Second Sunday in Easter and it is a very special Sunday. It is the Sunday when the catechumens that were baptized at the Easter Vigil, return to their communities wearing the white shawl or white dress of Baptism and are welcomed by the community as fully fletched Christians, members of the community participating at the Word of God and the Eucharist for the first time as full members of the Catholic Church. And we pray for them.
All around the world we have hundreds of new Christians. In Malta, I had the blessing of baptizing seven adults who are now being received in their communities this morning as we speak.
But today is also Divine Mercy Sunday, a feast instituted by St John Paul II and it reminds us that Jesus in the Gospel today breathes his Spirit on the apostles and gives them his own divine power, the divine power to forgive sins. And this is something we really need to be grateful for, this divine power which is in the Church for the reconciliation of human kind.
Today, Thomas touches the wounds of Jesus and, touching the wounds of Jesus, he is healed of his unbelief. If we need to be strong in our faith, we need to touch the wounds of Jesus in people who suffer, where there is injustice, where there is war and so many wounds are there gaping at our own hearts asking to be approached to be healed in order to be strong in our faith. As Thomas, we need to touch the wounds of Jesus today and that is what we pray on this blessed Sunday.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4, 32-35
Salm: 117 (118), 2-4.16ab-18.22-24
Qari II: 1 Ġw 5, 1-6
Evanġelju: Ġw 20, 19-31
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace