Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan huwa wieħed mill-iżjed sinjali qawwija li għamel Ġesù, u li jirrakuntalna l-Evanġelju skont San Ġwann. Xi ftit ħsibijiet ispirati minn dan l-Evanġelju pjuttost twil, sabiħ ħafna. Nissuġġerilkom ukoll li f’dawn il-ġranet li ġejjin, wieħed ikun jista’ jerġa’ jaqrah bil-kalma. Tistgħu ssibuh pereżempju fuq il-website tal-Laikos. U titolbu fuqhu.

L-ewwel ħaġa li tolqotni, hija, kemm-il darba fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, minn kapitlu 11 ta’ San Ġwann, hemm il-kelma: ‘Ġesù ħabb’. Ġesù kien iħobbhom ħafna lil dawn it-tlett iħbieb tiegħu: Lazzru, Marta, u Marija. U anke meta jaraw ir-reazzjoni ta’ Ġesù quddiem il-mewt ta’ Lazzru; għax l-Evanġelju jgħidilna, li quddiem il-mewt ta’ Lazzru, “Ġesù beka” (Ġw 11:35). “Għalhekk il-Lhud qalu: ‘Ara kemm kien iħobbu’!” (Ġw 11:36). L-ewwel ħaġa li nixtieqkom tirriflettu hija, li dan l-Evanġelju, qabel ma jurina l-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt, jurina l-qawwa tal-imħabba tiegħu. Ejjew allura, fid-dawl ta’ din il-Kelma, nafdaw lilna nnfusna f’idejn l-imħabba tiegħu; f’idejh li jħobbna.

It-tieni ħsieb huwa, li Ġesù, b’dan is-sinjal, juri l-qawwa tiegħu fuq il-mewt, u jagħmilha b’mod konkrett. Ħabib tiegħu, ilu erbat ijiem mejjet, u għall-kelma ta’ Ġesù: “Lazzru, oħroġ!” U dak li kien mejjet ħareġ” (Ġw 11:43-44). Ma jfissirx li Lazzru għex għal dejjem. Lazzru mbagħad miet, kellu jgħaddi mill-mewt; imma ma kienx dak il-mument. Ġesù jinsisti, li dik il-mewt ta’ Lazzru kienet, biex ikun hemm sinjal għalina, li aħna qed nafdaw lilna nfusna f’idejn xi ħadd li jħobbna, u li għandu l-qawwa fuq il-mewt.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Xi tfisser, li Ġesù jkollu l-qawwa fuq il-mewt? Ma jfissirx li jista’ jeħlisna mill-mewt. Il-mewt hija liġi li ssottometta ruħu għaliha Hu, u li rridu ngħaddu minnha lkoll kemm aħna. Imma l-mistoqsija, li b’modd speċjali titla’ mill-qalb tagħna, meta nkunu qrib il-mewt ta’ xi ħadd, jew inkella qrib il-mewt tagħna, għax tasal żgur; hija lil hinn minn dan il-bieb, hemm jistennieni xi ħaġa? Hemm xi ħaġa wara l-mewt? U intom, li tiltaqgħu ħafna ma dan il-bieb: il-bieb tal-mewt, minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ mard, u anke ċirkustanzi oħra; tajjeb li jkollna d-dawl tal-fidi f’Ġesù biex ikollna risposta għal din il-mistoqsija.

Ġesù jagħti dan is-sinjal, biex iserħilna rasna u moħħna, li l-mewt mhijiex ħajt, imma bieb li jagħti għall-ħajja. “Jien hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11:25). Il-qawmien mill-mewt, il-ħajja ta’ dejjem. Mela Ġesù, b’dan is-sinjal qawwi li jingħatalna qabel il-Ħadd li ġej, meta naqraw il-passjoni tiegħu; imbagħad il-Ħadd ta’ wara, l-qawmien tiegħu mill-imwiet; huwa sinjal importanti ħafna. Għaliex jagħti togħma differenti lill-ħajja tagħna fuq din l-art: il-mewt mhix l-aħħar kelma; imma hija kelma importanti, għax hija l-bieb li jagħti għall-ħajja ta’ dejjem. Aħna m’aħniex weħidna, aħna u ngħaddu mill-bieb tal-mewt; hemm xi ħadd li jweżinna; hemm xi ħadd li jgħidilna: oħroġ minn din id-dinja, u qed jgħidilna wkoll:

“Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, wkoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” (Ġw 11:25-26).

Ritratt: Ian Noel Pace- Arċidjoċesi ta’ Malta

Din il-mistoqsija ta’ Ġesù, li hija magħmula lil Marta, oħt Lazzru; l-Kelma ta’ Alla tagħmilha wkoll lili u lilek illum. Ara Ġesù qed jassigurana: inti trid tgħaddi mill-bieb tal-mewt; imma lil hinn mill-bieb tal-mewt, hemm il-ħajja. Hemm ħajja li ma tafx il-mewt. Din il-ħajja li qegħdin ngħixu bħalissa taf il-mewt; imma mhijiex l-aħħar kelma; hemm ħajja oħra tistenniena, li ma tafx il-mewt. “Min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” “Iva, Mulej, jien nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja” (Ġw 11:26-27). Mela, qegħdin nafdaw lilna nnfusna, l-aħwa, fid-dawl ta’ din il-Kelma, f’idejn ħabib li jħobbna; ħabib li jibki quddiem il-mewt tagħna, li jinkedd quddiem il-mard tagħna; imma li r-risposta tiegħu hija rebħa fuq il-mewt.

Illum qegħdin hawnhekk, u nixtiequ nsellmu lil kull min jaħdem fil-qasam tal-kura: lill-professjonisti tagħna, lill-konsulenti tagħna, lit-tobba tagħna, lin-nursing staff tagħna, lis-support staff tagħna. Għaliex aħna għandna dejn kbir magħkom. Ħafna drabi jkun hemm professjonisti, konsulenti, li jinkeddu; meta jmur kollox sew, jgħidu: l-Madonna kienet din, il-miraklu. Dak li jkun jgħid: allura dak li studjajt, u għamilt, m’għandux rikonoxximent. Ejjew illum, nirrikonoxxu li Alla jinqeda bil-professjonisti bravi li għandna, biex jgħamlilna ħajja aħjar, u jagħtina kwalità ta’ ħajja tajba. Imma rridu wkoll nammettu b’umiltà, li nissapportjaw kemm nissapportjaw lil xulxin, il-mewt hija realtà li ma nistgħux naħarbu minnha.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Illum, Ġesù, waqt li jagħtina din il-qawwa li nieħdu ħsieb xulxin, ta’ ħbieb li għandna nkunu għal xulxin; waqt li jibki magħna quddiem itturufnament tal-ħajja, jagħtina r-risposta lil hinn mill-mewt: “kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11:26).  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 37, 12-14   
Responsorju: Salm 129 (130), 1-2.3-4ab.4c-6.7-8
Qari II: Rum 8, 8-11
L-Evanġelju: Ġw 11, 1-45