L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Waħda mill-ewwel rappreżentazzjonijiet, l-iktar antiki, tal-kurċifiss, ħafna jaħsbu li tmur lura għas-seklu tlieta. Minquxa ma’ ħajt ta’ dar f’Ruma, kien qisu graffiti ta’ min ried jirredikola lill-Kurċifiss u lil xi ħaddieħor li kien sar Kattoliku. Kien żmien ta’ persekuzzjoni. Hemm rappreżentazzjoni ta’ xi ħadd imsallab u ħdejn is-salib hemm żagħżugħ; u dak li hu msallab għandu ras ta’ ħmar. Taħt, hemm miktub l-isem bil-Grieg: ‘Alexamenos iqim lil Alla tiegħu’. Kienet magħmula biex tirredikola, b’żufjett.

Ta’ min jgħid li dik kienet l-esperjenza tal-Insara, speċjalment fl-ewwel snin u għal snin twal, fejn jidħol it-twemmin u l-istqarrija fi Kristu msallab. Għal ħafna li ma jemmnux, Kristu msallab kien kriminal li kien imsallab b’mewta l-aktar krudili u umiljanti. Għalhekk kienu jgħidulhom: ‘intom lil dan tqimu!’ Fil-fatt, kieku tħares lejn Kristu msallab, u ma jkollokx fidi fih, u tara lil xi ħadd fuq is-salib, hemm kollox barra suċċess ta’ ħajja. Hemm bniedem marbut, mifni, qed imut, qed jispiċċa fix-xejn – falliment sħiħ. Imma aħna li nemmnu nafu li dik ma kinitx it-tarf tal-istorja, u li meta naraw it-tarf tal-istorja, imbagħad nifhmu dak li sar qabel.

San Pawl, fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, jispjegaha b’mod sabiħ ħafna. Jgħid: ‘aħna nxandru lil Kristu msallab, bluha għal min ma jemminx. Imma “il-bluha ta’ Alla hi għarfa aktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hi aqwa mill-bnedmin” (1 Kor 1:25).  Għalhekk meta aħna nħarsu lejn Kristu msallab, għandna tassew il-ħajja, dak li rebaħ il-mewt. 

Ġesù, minflok li qagħad jispjega biċċa biċċa għalfejn it-tbatija, bata hu, issieħeb magħna fl-iktar tbatija ħarxa biex jakkumpanja anke lilna fit-tbatija tal-ħajja.

Fil-fatt, jekk aħna naraw l-Evanġelju skont San Ġwann, li għadna kif qrajna, Kristu fil-Passjoni hu Kristu li diġà għandu s-sensazzjoni tar-rebħa finali, Kristu diġa rebbieħ. Mill-ewwel parti tal-Passjoni li qrajna llum, meta jmorru jarrestawh, u jgħidulu li qed ifittxu lil Ġesù ta’ Nażaret, u hu jgħidilhom “Jiena hu”. Fil-ktieb tal-Eżodu, “Jiena hu” hu l-isem ta’ Alla. Meta Mosè staqsieh: ‘x’se ngħidilhom, x’isem?’, Alla qallu: “Jiena hu” (Eżodu 3:14). Hemmhekk Ġesù qed jagħmel l-istqarrija li hu Alla. Fil-Passjoni skont San Ġwann, biċċa biċċa hemm dejjem Ġesù determinat li jagħmel ir-rieda ta’ Alla, li jidħol għaliha b’kuraġġ. Hemm it-tbatija li bata, imma l-evanġelista ma jiffokax l-aktar fuq id-deskrizzjoni tat-tbatija, imma aktar li Ġesù hu dak li qed jirbaħ kontinwament; sal-mument tal-aħħar, meta jgħid “Kollox hu mitmum”, jiġifieri: Jien għamilt ir-rieda tal-Missier, u għamiltha sal-aħħar.

Aħna nxandru lil Kristu msallab. Hemmhekk naraw l-iktar turija tal-imħabba ta’ Alla lejna. Alla hekk ħabbna li sar wieħed minna, u ssieħeb fl-ikbar tbatija tagħna, tal-umanità, biex lilna jista’ jifdina u jsalvana. Hija l-ikbar stqarrija ta’ mħabba: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih … ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġwanni 3:16).

Għalhekk, illum, filwaqt li aħna nqimu lil Kristu msallab, ejjew nirringrazzjawh għal dak kollu li hu għamel u jagħmel magħna llum. Ejjew inqiegħdu quddiemu wkoll it-tbatijiet tagħna. Ġesù, minflok li qagħad jispjega biċċa biċċa għalfejn it-tbatija, bata hu, issieħeb magħna fl-iktar tbatija ħarxa biex jakkumpanja anke lilna fit-tbatija tal-ħajja. Għalhekk, kull tip ta’ tbatija li ngħaddu minnha, jekk aħna nissieħbu miegħu, hu jgħinna, jakkumpanjana fit-tbatija tal-ħajja tagħna.

Ejjew nippreżentawlu wkoll l-iżbalji tagħna, id-dnubiet tagħna, għax aħna nafu li meta nħarsu lejn Kristu msallab, hu jaħfrilna ħtijietna, hu lest li jagħtina l-imħabba u l-ħniena tiegħu.

Ejjew ukoll inħarsu lejn Kristu msallab, fil-mument li fil-ħajja naħbtu jew negħjew nagħmlu l-ġid, jew ikollna ħafna mistoqsijiet meta nagħżlu dak li hu tajjeb. Kultant ngħidu: għaliex tagħmel it-tajjeb u taqlagħha fuq wiċċek? Inħarsu lejn Kristu msallab. Għaliex għandek tkompli tagħmel il-ġid, u minflok tbati int għal dawk li jagħmlu d-deni? Inħarsu lejn Kristu msallab. U fil-mistoqsijiet bħal dawn fil-ħajja tagħna, Kristu jakkumpanjana biex lilna jgħinna naraw il-ħajja tagħna f’dawl ġdid u jimxi magħna l-mixja tal-ħajja ħalli aħna nistgħu wkoll mill-mewt ngħaddu għall-ħajja u jkollna, permezz tiegħu, il-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju