L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Bir-raġun il-poplu tal-belt Cospicua llum jifraħ, fit-tieni ċentinarju mit-twaqqif ta’ dil-parroċċa bħala kolleġġata: il-bidu ta’ 200 sena servizz mill-kapitlu Bormliż. Imma xi tfisser li jkollok grupp ta’ saċerdoti fil-parroċċa tiegħek, dedikati għas-servizz tal-poplu u msejħin jagħtu glorja lil Alla bit-talb ta’ bejniethom u fuq kollox bl-imħabba lejn xulxin. Tfisser impenn. 

Illum f’riġlejn il-Kunċizzjoni, f’riġlejn Marija ta’ Nazaret imnissla mingħajr ebda tebgħa tad-dnub, nitolbu l-grazzja għall-vokazzjonijiet saċerdotali; imma nitolbu wkoll għall-grazzja liż-żgħażagħ tagħna biex jibqgħu jinġibdu lejn is-sagrament taż-żwieġ u jwaqqfu familja Nisranija. 

Ma tistax tifraħ fil-200 sena mit-twaqqif tal-kulleġġ jew il-kapitlu tal-kanonki, u ma titlobx lill-Mulej ikompli jħaddem il-grazzja tiegħu biex żewġ sagramenti jkomplu jibnu lill-komunità. Iż-żewġ sagramenti mis-seba’ li waqqaf Ġesù, li jibnu l-komunità, huma l-ordni sagri u s-sagrament taż-żwieġ. Imma fl-istess ħin il-Kapitlu għandu vokazzjoni partikolari. Dik li joħloq nisġa ta’ solidarjetà bejn is-saċerdoti, biex is-servizz tal-poplu ta’ Alla ma jonqosx; u biex il-kult, it-talb li jsir fil-knisja kolleġġata jkun ta’ dinjità, ikun imħeġġeġ, ikun ta’ xhieda. 

Aħna u nagħtu qima lill-kwadru titulari bit-tqegħid ta’ din il-warda mdiehba, kapulavur tal-filugranu Malti, warda li hi espressjoni tal-qalb kbira tal-Bormliżi, li riedu tkun talba lill-Madonna. Talba, li l-ewwel nett li jkollna saċerdoti qaddisin. Aħna meta naħsbu fil-200 sena storja tal-kapitlu ta’ Bormla, jiġu f’qalbna t-talb li tana San Ġorġ Preca, li joqogħdu fuq xufftejna għal kull anniversarju, anke f’dan: ‘Grazzi Sinjur Alla’ u ‘aħfirli Sinjur Alla’. 

Illum nirringrazzjaw lil Alla tal-ġid kollu li għamel mal-Bormliżi u ma’ tant nies oħra, permezz tal-kanonċi membri ta’ din il-Kolleġġata. Tant saċerdoti li ħadmu mingħajr ma daqqew it-trombi; tant saċerdoti li kienu mal-poplu tagħna fil-bnazzi u l-maltemp; tant predikazzjoni, tant qrar, tant sagramenti. F’etajiet oħra, tant akkumpjament tal-moribondi u l-morda tagħna, tant servizz lill-foqra, li għadu jkompli mingħajr ħafna għagħa u kjass. 

Imma lil Alla ma ngħidulux biss ‘grazzi’ imma ngħidulu wkoll ‘aħfirli Sinjur Alla’. Illum nitolbuh maħfra wkoll ta’ kemm-il darba x-xhieda tagħna s-saċerdoti ma kinitx kif jixtieqha Ġesù, ma kinitx tagħmel unur lill-vokazzjoni tagħna, lix-xhieda sabiħa li għandna ngħixu. Għax aħna s-saċerdoti midjunin daqs kull wieħed u kull waħda tal-popli ta’ Alla, mal-ħniena tal-Mulej.

Aħna u noffru din il-warda tal-filugranu mdieheb lill-kwadru titulari tal-Kunċizzjoni, nagħrfu li qegħdin wkoll nagħtu ġieħ lill-ħniena ta’ Alla li tinfirex f’kull żmien.

M’hawn ħadd minna hawnhekk, li m’għandux bżonn il-ħniena ta’ Alla, mill-kbir saż-żgħir. 

Aħna u nammiraw il-misteru kbir ta’ din it-tfajla rżina; li min-nisel tagħha ġiet imħarsa minn kull tebgħa tad-dnub, nifhmu kemm hi qawwija l-ħniena ta’ Alla, li tinfirex f’kull żmien u tiżboq iż-żmien. Għax aħna hekk ngħidu fit-talba li l-Knisja tagħmel fil-festa tal-Kunċizzjoni u li llum f’din l-okkażjoni qed nitolbu. Il-Mulej ħares fiż-żmien u ra l-merti ta’ ibnu magħmul bniedem, imnissel minn din il-mara bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u uża dawk il-merti għat-tnissil u fit-tnissil tagħha, biex iħarisha minn kull tebgħa tad-dnub. L-omm fit-tnissil tagħha “għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37); għax il-ħniena tiegħu tisboq il-kategoriji tal-ħin u tal-ispazju, juża n-nixxiegħa ta’ ħniena, ħierġa mis-salib feddej ta’ binha, biex iħares lil ommu fit-tnissil tagħha minn kull tebgħa tad-dnub. 

Il-festa tal-Kunċizzjoni ma tagħmilx sens jekk ma nifhmux li aħna qed niċċelebraw il-ħniena ta’ Alla. Hekk qalet Marija ta’ Nazaret: “il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50). “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar, qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1:49).

Kienet għażla feliċi tal-Kapitlu u tal-Arċipriet, li jippreżentaw dan il-kapolavur ta’ arti Maltija, lill-Papa Franġisku biex iberikha. Il-barka tal-Papa tgħaqqadna miegħu. Nistgħu ngħidu li f’dan il-maqdes iddedikat għal sekli lill-Immakulata Kunċizzjoni, il-Papa Franġisku daħal bil-qalb u l-barka tiegħu. Il-Papa jrid ukoll jissieħeb magħna, f’dan l-att ta’ qima, u f’dan l-att li fih niċċelebraw u nirringrazzjaw lil Alla, għal dak kollu li għamel mal-Kapitlu ta’ Bormla; u permezz tiegħu, u għad irid jagħmel. 

Ejjew nitolbu wkoll biex il-ħniena ta’ Alla, tinfirex fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, u anke fost dawk li mhumiex imsejħin għas-sagrament tal-ordni jew taż-żwieġ; imma msejħin għall-istess qdusija fl-imħabba. Għaliex kif jgħallimna l-Appostlu Missierna: aħna wkoll imsejħin “biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4). Hija l-imħabba ta’ kull tip u ta’ kull għamla; imma l-imħabba li hija l-għotja tiegħek innifsek, li tmur ’l hemm mill-egoiżmu tiegħek innifsek, li se tkun it-triq tal-qdusija ta’ kull wieħed u kull waħda minna. 

Aħna llum lill-Mulej nitolbuh ibierek l-imħabbiet kollha tagħna, inaddafhom, isaffihom, iqaddishom. Nitolbuh biex il-ħarsa umli ta’ Ommu Immakulata, tkun ukoll il-ħarsa li tinfed il-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Aħna llum insellmulha, bħala l-mimlija bil-grazzja, imnissla mingħajr tebgħa, imbierka fost in-nisa, sultana, reġina, omm il-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna. Sliem għalik. 

Viva Marija Immakulata! 

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-quddiesa 

Qari I: Ġen 3:9-15,20
Responsorju: Salm 97
Qari II: Efes 1:3-6,11-12
L-Evanġelju: Lq 1:26-38