-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Balzan
25 ta’ Marzu 2019Bħal-lum, il-25 ta’ Marzu, f’kull quddiesa mad-dinja kollha waqt li jingħad il-Kredu, aħna ninżlu għarkupptejna meta ngħidu l-kliem: “U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem”. Dan il-kliem dejjem ngħiduh waqt il-Kredu, imma bħal-lum ninżlu għarkupptejna.
It-titularJien kelli l-kurżità meta bdiet din it-tradizzjoni li ninżlu għarkupptejna b’rabta ma’ din il-ġrajja. Ir-risposta qiegħda ssuġġerita fil-kwadru titulari tal-Lunzjata ta’ Giuseppe Calleja. Kien l-anġlu Gabrijel l-ewwel li niżel għarkupptejh quddiem Marija.
Min jidħol il-knisja u mhux midħla tal-ġrajja tal-Lunzjata għandu mnejn jaħseb li l-anġlu niżel għarkupptejh quddiem Marija minħabba fiha. Imma aħna nafu li ma għamilx hekk biex jadura lil Marija imma niżel għarkupptejh biex jadura l-Iben ta’ Alla li sar bniedem fil-ġuf ta’ Marija hekk kif Marija aċċettat li ssir Omm Alla. Għalhekk, illum, meta aħna se ninżlu għarkupptejna, se nagħmlu kif għamel l-anġlu tat-titular.
Il-varaĦa nħarsu issa lejn il-vara sabiħa ta’ Salvatore Dimech, li tlett ijiem oħra tagħlaq 150 sena fostna mill-jum meta ġiet f’din il-parroċċa, u lbieraħ kienet f’pellegrinaġġ mat-toroq ta’ Ħal Balzan. Din il-vara turi xena ta’ ftit mumenti qabel ix-xena li hemm fil-pittura. Il-vara toħroġ b’mod espressiv ħafna lil Marija bl-anġlu wieqaf quddiemha qed jgħidilha li hi se tnissel fi ħdanha u jkollha iben u ssemmih Ġesù. Hemm kliem sabiħ ħafna ta’ San Bernard fit-Tifħir lill-Verġni Marija hu u jimmedita fuq din il-ġrajja. Jistħajjel li qed ikellem lil Marija u jgħidilha:
“Verġni Marija, issa smajtha l-aħbar: int se tnissel u jkollok iben; u smajt ukoll li dan m’hux se jsir permezz ta’ bniedem imma bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu … Wieġeb, o Verġni, ħaffef. Iddumx ma twieġbu lill-Anġlu, anzi lill-Mulej permezz tal-Anġlu. Wieġeb b’kelma; lissen il-kelma tiegħek, u nissel il-Kelma ta’ Alla; oħroġ minn fommok kelma li malajr tgħaddi, u ħaddan miegħek il-Kelma li tibqa’ għal dejjem … Mela iftaħ qalbek għall-fidi, Verġni mbierka, iftaħ xufftejk u stqarr li emmint, ilqa’ fi ħdanek lil min ħalqek. Ara, il-mistenni mill-ġnus jinsab barra fil-bieb u qiegħed iħabbat … Qum, isa, iftaħlu! Qum bis-saħħa tal-fidi, ħaffef bil-qawwa tat-tjieba, iftaħlu bl-istqarrija tiegħek, u għid: Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!”
Nixtieqkom tinnutaw b’mod partikulari l-kliem ta’ San Bernard: “Lissen il-kelma tiegħek, u nissel il-Kelma ta’ Alla … ilqa’ fi ħdanek lil min ħalqek”. Hekk għamlet Marija u għall-kliem tagħha “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek,” Ġesù beda l-ħajja tiegħu fuq din l-art fil-ġuf ta’ Marija.
Minn tnejn għal tlietaHu sewwasew f’dan il-mument, meta Marija aċċettat, li mix-xena rappreżentata fil-vara ngħaddu għal dik tal-kwadru. Minn tnejn min-nies kif naraw fil-vara, issa hemm tlieta min-nies fil-kwadru. Il-ġrajja li smajna minn San Luqa bdiet bl-anġlu u Marija; u spiċċat bl-anġlu, Marija u Ġesù mnissel fil-ġuf tagħha.
Kull meta aħna niċċelebraw il-Festa tal-Lunzjata, qed niċċelebraw il-festa ta’ Marija li ssir Omm, u għalhekk il-festa ta’ Ġesù li tnissel fi ħdanha. Innutaw: mhijiex il-festa ta’ ftit ċelloli li mbagħad inzertaw żviluppaw f’Ġesù, imma l-festa ta’ Ġesù. Mhijiex il-festa ta’ xi ħaġa ġo Marija li xi darba kellha l-potenzjal li ssir Ġesù, imma ta’ Ġesù li tnissel fi ħdanha. L-anġlu minn bilwieqfa jinżel għarkupptejh biex iqim din il-ħajja ġdida fil-ġuf ta’ Marija.
L-għożża tal-ħajja mnaqqxa f’qalbnaNgħiduha bil-ferħ: din il-parroċċa ta’ Ħal Balzan għandha tkun kburija li meta qed tiċċelebra l-festa tal-Lunzjata, ta’ din l-Omm speċjali, Marija, li wieġbet għas-sejħa tal-Mulej, fl-istess waqt qed tagħmel l-akbar stqarrija favur il-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.
Marija, li aħna nqimu f’dan il-mument speċjali għaliha u għall-umanità kollha, hi Marija li tgħożż il-ħajja u li tipproteġiha mill-ewwel mument tal-eżistenza tagħha. Naraw fiha stampa ta’ dak il-leħen tal-Missier li kellu jinstema’ aktar tard fil-magħmudija ta’ Ġesù: “Dan hu Ibni l-għażiż. Fih sibt il-għaxqa tiegħi”. Hija l-omm li tgħallimna li meta ngħożżu lill-Mulej u nsibu fih l-għaxqa tagħna bilfors irridu ngħożżu l-ħajja u naħdmu biex inħarsuha bħala don speċjali ta’ Alla.
Dan il-messaġġ ta’ Marija hu ta’ attwalità kbira fi żminijietna u f’pajjiżna meta għandna bżonn li l-kuxjenza dwar l-għożża tal-ħajja tkun dejjem mhux biss fuq fommna imma mnaqqxa f’qalbna.
Ninżlu għarkupptejnaNixtieq li nagħmlu din it-talba meta llum ninżlu għarkupptejna bl-istess qima li niżel l-anġlu: li l-Mulej jgħinna nagħmlu l-istess għażla ta’ Marija. Ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tagħha, mit-tnissil, u nqimuha bis-sħiħ. U li nkomplu dejjem niċċelebraw bil-ferħ il-ġrajja tal-Lunzjata li tibda bi tnejn u tispiċċa bi tlieta.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju