L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” (Mt 9:14). Din hija d-domanda li għamlu d-dixxipli ta’ Ġwanni lil Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew illum. Dawn qed jagħmluha b’mod ġenwin. Hawn qed nitkellmu fuqhom, mhux fuq il-Fariżej li kemm-il darba staqsew lil Ġesù bi skop ieħor. Dawn għandhom domanda ġenwina.
Ġesù jgħidilhom ċar li waqt li d-dixxipli qegħdin miegħu, jiċċelebraw il-fatt li qegħdin miegħu. Ma kienx il-lok tas-sawm. Imma Ġesu kien kontra s-sawm? Le, ma kienx kontra s-sawm. Fil-fatt, naqraw fl-istess Evanġelju skont San Mattew li fil-bidu nett, qabel ma beda l-ministeru tiegħu, meta mar fid-deżert, Ġesù “baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl” (Mt 4:2). Ġesù ma kienx kontra s-sawm, imma ried jiċċara s-sens tas-sawm. U juri kif is-sawm mhux sempliċiment għax drawwa; is-sawm ma għandux isir għal wiċċ in-nies, biex tidher li qed issum; u s-sawm ma tagħmlux biex qisek tikkuntenta lil Alla u jagħtik il-punti ta’ kemm qed issum. Is-sawm mhuwiex għan fih innifsu, imma huwa mezz.
Fil-fatt, Ġesù, fl-istess Evanġelju skont San Mattew, meta jkellem lill-kittieba u l-Fariżej, jagħmilha ċara li qatt ma għandhom isumu għal wiċċ in-nies. Jgħid: “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin” (Mt 6:16). Jgħid: tagħmlux bħalhom. “Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:17). Ġesù ried din il-ġenwinità meta aħna nsumu. Qatt għal wiċċ in-nies.
Ġesù jgħid ukoll ħaġa oħra importanti, li nsibuha ċara llum fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: li s-sawm irid ikun imsieħeb ma’ ħajja li togħġob lil Alla. Mhux issum u tagħmel li trid. Hawnhekk il-Profeta Isaija jwassal il-kliem tal-Mulej, meta jgħid: “F’jum is-sawm tagħkom, tagħmlu li tridu (Is 58:3), tgħakksu lill-ħaddiema tagħkom u anke jkollkom ħafna kwestjonijiet u ġlied. U jgħid: “Jekk issumu kif qegħdin issumu issa, leħinkom ma jinstemax fl-għoli” (Is 58:4). Ifisser aktar, imbagħad, liema sawm jogħġob lil Alla. Jgħid li s-sawm ma tagħmlux biex tgħakkes lilek innifsek, u timtedd fuq ix-xkora u l-irmied. Imma s-sawm irid ikun imsieħeb ma’ ħajja li fiha int tagħżel it-tajjeb u taħseb fl-oħrajn. Fil-fatt hawn isemmi: tibgħat ħielsa lill-maħqurin, tħoll l-irbit tal-ħażen, taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf. Hawn qed isemmi dak li ’l quddiem Ġesù jsemmi fl-Evanġelju skont San Mattew (ara Mt 25): l-opri tal-ħniena. U jgħid: hemm jagħmel sens is-sawm: meta msieħeb ma’ ħajja li fiha qed tagħżel it-tajjeb, u anke taħseb fl-oħrajn, tgħix l-opri tal-ħniena li għallimna l-Mulej.
Dan hu messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Iż-żmien tar-Randan hu żmien tant opportun għalina biex aħna nisimgħu l-kelma ta’ Alla, inħalluha tibdilna għall-aħjar, u biex dil-kelma tgħinna ħalli aħna nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu dak li jkun ħażin. Meta nagħmlu hekk, ġa ċaħda din: iċ-ċaħda tagħna nfusna. Imbagħad tgħinna biex aħna naħsbu fl-oħrajn, bħalma ssemmi l-kelma ta’ Alla: kemm hu importanti li f’dak li nagħmlu, nagħmluh bil-ħsieb li nieqfu ma’ min qed ibati.
Nitolbu lill-Mulej illum li aħna nisimgħu dil-kelma tiegħu, inħalluha tinżel f’qalbna; u tgħinna biex il-ħajja tagħna tkun ħajja li togħġbu tassew. U dak li nagħmlu u nagħmluh tajjeb – bħall-penitenza u s-sawm f’dan iż-żmien – ikun ġej minn qalb li tħobb lil Alla u tħobb ukoll tassew lill-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta