• On Sunday 10th April 2016,  Archbishop Charles J. Scicluna celebrated a Pontifical Mass at Floriana Parish Church, on the occasion of the feast of St Publius.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja Arċipretali ta’ San Publiju, il-Furjana
     10 ta’ April 2016
    “Intom il-ġisem ta’ Kristu u kull wieħed minnkom membru tiegħu. Lil xi wħud Alla riedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Imbagħad id-don tal-mirakli. Imbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don tal-ilsna diversi. Jaqaw ilkoll appostli? Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? Ilkoll għandhom id-don tal-fejqan? Ilkoll jitkellmu bl-ilsna? Ilkoll ifissru? Intom ħabirku għal doni ogħla u jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll” (1 Kor 12, 27-31).
    Aħna u nifirħu bis-Solennità għażiża ta’ Publiju, il-protos ta’ din il-gżira li laqgħet l-oħla dawl li biha l-Mulej għażel li jlibbisna, nixtieq li llum u f’din is-sena nirriflettu ftit fuq il-lezzjoni fundamentali tax-xhieda u l-qdusija ta’ Publiju. Kien imsejjaħ biex fil-Knisja żagħżugħa li ħarġet mill-kelma u mill-għeġubijiet li Pawlu wettaq fostna, kien imsejjaħ biex f’dik il-Knisja żagħżugħa jkun il-leader, dak li għandu s-setgħa u d-dover li jħares lil ħutu u għalhekk, bir-raġun, jissejjaħ episkopus għaliex dak huwa d-dover tiegħu, ir-rwol tiegħu li bil-ħarsa tiegħu jkellem u jiżgura lilħutu, lill-merħla tiegħu, in-nutriment tajjeb, l-eżempju t-tajjeb, l-għaqda u l-għożża.
    Mhux kulħadd huwa msejjaħ biex ikollu dan ir-rwol fil-komunità jew fil-Knisja, imma lkoll għandna sehem. “Intom” kif jgħid Pawlu, l-appostlu Missierna fl-Ewwel Ittra lill-Korintin (Kap.12) jgħid, “Intom fil-ġisem ta’ Kristu, kull wieħed”. Kull wieħed u waħda minnkom, membru lkoll kemm aħna għandna rwol importanti fil-ġisem ta’ Ġesù li huwa l-Knisja.
    X’inhi t-triq u x’inhu d-don li jrid jurina l-appostlu u li tgħaddihom ilkoll u jiena konvint tilħaq is-sintesi tagħha fil-qaddis għażiż tagħna Publiju? Hija t-triq tal-imħabba: “Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u talanġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid” (1Kor 13,1-3). Publiju kellu l-imħabba, u għadu llum ukoll, eżempju mill-aqwa ta’ bniedem ta’ ħlewwa kbira u Nisrani naturali li mbagħad kien mgħammed u msejjaħ għal perfezzjoni ta’ dik l-imħabba.
    Ejjew inkunu leali għall-kelma li għadna kemm smajna u li ħabbritilna l-għażiża President tagħna Marie-Louise Coleiro Preca. Publiju wera l-ħniena tiegħu ma’ dawk il-mijiet ta’ nawfragi, qabel ma tgħammed. Il-ħlewwa li wera kienet ħlewwa naturali, imma minn hawn l-imħabba ta’ Publiju hekk kif jgħaddi mill-mewt u l-irxoxt ta’ Kristu fil-Magħmudija, kemm kellha qawwa ikbar, qawwa li tqanqal. Publiju ma jlissen l-ebda kelma fit-test tal-Atti tal-Appostli imma l-għemil tiegħu jitkellem f’dawk l-inħawi fejn kien hemm l-oqsma tal-prinċep, tal-protos ta’ dik il-gżira.
    Diġà l-isem tiegħu hija vokazzjoni ċivika; ommu u missieru tawh dan l-isem, komuni ħafna kemm fil-Greċja kif ukoll f’Ruma, isem li jfisser vokazzjoni: li tkun ta’ għajnuna għal ħafna nies, għax protos tfisser propju mis-siġra li għandha ħafna weraq, hija l-kwantità imma wkoll il-Publiju. Aħna meta ngħidu repubblika jew inkella l-aspett pubbliku – qed nirreferu għall-istess għerq tal-isem Publiju – huwa bniedem, li anke mill-isem tiegħu stess, għandu s-sejħa li jkun mexxej, cives, imma anke protos, ċittadin u anke mexxej.  
    Publiju jurina bl-akkoljenza li ta lil dawn in-nawfragi, kollha kemm huma, inkluż il-ħabsin, inkluż lil Pawlu, u kenninhom fl-oqsma tiegħu ħdejn Burmarrad fejn aħna llum nsejħulhom San Pawl Milqi jew Mirqi, għal tliet ijiem. Inħobb ngħidha din: ikollok tliet persuni jiġu għandek tlettt ijiem, fit-tielet jum tibda titlob lil Alla li l-ajruplan itir, ma jmorrux jerġgħu jiġu jgħidulek: “kien hemm il-flight cancelled!” Aħseb u ara mitejn u erbgħs u sebgħin! Veru li l-oqsma tiegħu kienu kbar, jekk aħna naraw dak li baqa’ mill-imgħasar taż-żebbuġ li kellu fl-oqsma tiegħu Publiju, naraw li kienet villa, għax kien ikollhom id-dar fil-Melite, fl-Imdina, u l-villa fir-raba’. L-oqsma tiegħu kellhom mhux biss imgħasra taż-żebbuġ biex jagħmel iż-żejt, imma kellhom ukoll post fejn ipoġġu l-qamħ u nimmaġina li f’dawk it-tlett ijiem Publiju battal il-proviżjonamenti kollha li kellu. U din l-imħabba konkreta tal-protos għażiż tagħna, tal-qaddis Publiju, tiftaħ beraħ il-barka l-iżjed sabiħa li aħna ħadna.
    Imma jekk irridu nifhmu l-imħabba x’inhi, ejjew nisimgħu lil Pawlu, dak li għammed lil Publiju, dak li għamlu mexxej tal-komunità żagħżugħa Nisranija, f’dawk l-ewwel żminijiet. “L-imħabba taf tistabar” (1 Kor 13, 4). Jien se nitkellem bil-ħsibijiet sbieħ li tana l-Papa Franġisku fid-dokument Amoris Laetitia u li jagħti kapitlu għal dan l-‘Innu tal-Imħabba’ li jinsab fir-raba’ kapitlu ta’ din l-Eżortazzjoni Appostolika. Huwa jaqbad kull vers li Pawlu juża fuq l-imħabba u jagħmel kummentarju qasir.
    “L-Imħabba taf tistabar”. Il-Papa jgħidilna: x’inhu dan is-sabar? Huwa l-kapaċità li inti tilqa’ lil ħutek kif inhuma, mhux billi tippretendi li jaqblu dejjem miegħek, anzi, inti meta titgħallem li l-imħabba tistabar, tilqagħhom anke meta għandhom ideat differenti minn tiegħek, anke meta għandhom xi elementi diversi, jew inkella xi manjieri li jdejquk. Dak is-sabar huwa l-akkoljenza tal-imħabba.
    Minn dawk il-mitejn u sebgħin u fuqhom li Publiju jilqa’ għal tlett ijiem, ma kienx hemm xi wieħed antipatiku? Publiju b’“l-imħabba li taf tistabar u tħenn”. Għaliex il-ħniena konkreta li jgħallimna Publiju mhix kwistjoni ta’ paroli imma ta’ fatti. Publiju jħenn għal dawk in-nawfragi li ġew nawfragati mhux ‘il bogħod minn fejn kellu l-oqsma tiegħu, u jilqagħhom għandu. Veru li jitftakar ukoll fil-hemm ta’ missieru, iħenn ukoll għal missieru u mingħajr ma jaf jobdi l-kmandament: weġġah lil missierek u lil ommok”, u lil Pawlu jgħidlu: “Għandi missieri ħażin, inti tista’ tgħinu?” Dan għaliex kien għadu impressjonat bir-rakkont tal-miraklu tal-lifgħa u hemm Pawlu għaraf il-qawwa tal-fejqan, u ħenn mhux biss għan-nawfragi imma ħenn ukoll għal missieru. 
    “L-Imħabba mhijiex għajjura”.  L-imħabba dejjem tifraħ bil-ġid ta’ ħaddieħor. L-għira x’inhi? L-għira hi li jiena, meta nara l-ġid ta’ ħaddieħor, ninkedd. Li jiena għas-suċċess ta’ ħaddieħor nagħmel il-geddum. Imma l-imħabba mhijiex għajjura, l-imħabba tifraħ bil-ġid li jagħmel ħaddieħor. U hekk ukoll imbierek il-ġid li nagħmlu aħna.
    “L-imħabba ma tintefaħx bija nfisha”. ma tagħmilx biex tidher hi, anzi l-imħabba tingħata b’mod li tikkonsma lil dak li jkun u għalhekk “l-imħabba ma titkabbarx fuq l-oħrajn”. Aħna, ħuti, ħafna drabi, meta naħsbu fil-leaders ta’ din id-dinja, u aħna qed nitkellmu fuq il-protos tagħna, il-protos qaddis tagħna, naħsbu li l-poter għandu x’jaqsam mal-arroganza, jew inkella mal-agressività, jew mal-vjolenza, imma l-imħabba, għaliex il-qadi huwa forma sabiħa tal-imħabba, “ma titkabbarx fuq l-oħrajn”, ma tmegħekomx taħt saqajha, ma tikkalpestahomx. “L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq”, l-imħabba allura tgħożż l-onestà, l-integrità: l-imħabba tevita dak kollu li mhux xieraq, l-imħabba tgħin id-dinjità ta’ dak li jkun, tagħrafha, tippromoviha.
    Jiena u naħseb f’Publiju jinkwieta għall-għażiż missieru, nimmaġinah ukoll jinkwieta għad-dgħajfa u l-morda tal-gżira. Aħna nafu li l-fejqan ta’ missieru fetaħ il-bieb għall-fejqan tal-morda kollha tal-gżira!  Quddiem l-appostlu Pawlu, il-Maltin “ġabu l-morda kollha tagħhom, u Pawlu f’isem Kristu fejjaqhom” (ara Atti 28, 9). Araw, Publiju bl-aġir ta’ ħlewwa tiegħu jwassal barka fuq il-poplu tiegħu.    
    “L-imħabba ma tfittixx dak li hu tagħha”. L-imħabba ma toqgħodx tagħmel il-kontijiet. L-imħabba ma tgħidx,‘dan huwa dritt tiegħi, l-imħabba tagħti lil hemm mill-eżiġenzi tal-ġustizzja. L-imħabba xejn ma tinkorla għax il-korla ddaħħal velenu fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-korla, li tiġi mal-ewwel, imma jekk ma nirbħuhiex, l-aħwa, tavvelena l-qalb tagħna, ittellifna l-paċi. Ngħiduha mill-esperjenza, ittellifna l-irqad, il-korla! Il-Papa jinsisti fil-kummentarju tiegħu: “agħmlu l-paċi bejnietkom kemm jista’ jkun malajr”. Lill-miżżewġin jgħidilhom: “qabel tmorru torqdu, agħmlu karezza lil xulxin”. Jekk int m’għandekx kliem x’tgħid għax ma tafx x’taqbad tgħid, uri sinjal ta’ rikonċiljazzjoni, tħallix il-korla li għandek fil-qalb tiegħek ittelfek mill-paċi ta’ ruħek.   
    “L-imħabba ma żżomx f’qalbha għad-deni”. Kemm hi ħaġa kerha meta aħna nkunu ostaġġi tal-korla tagħna, ostaġġi tal-mibegħda li tikber fina, tar-rankur. Il-Mulej bl-imħabba li għallimna anke bil-qaddisin tiegħu, irid jeħlisna minn din ix-xibka infernali, ta’ dik li aħna nżommu għal xulxin, ta’ dik li aħna jkollna mibegħda għal xulxin għax dak ifisser li żżomm f’qalbek għad-deni.
    “L-imħabba ma tifraħx bl-inġustizzja imma tifraħ bil-verità”. Jalla fuq l-eżempju tal-protos qaddis tagħna, Publiju aħna nifirħu bil-ġustizzja, nifirħu bil-verità, nifirħu f’dak kollu li huwa sewwa u nġibu l-ġid u l-barka fuq l-għażiż pajjiż tagħna. Għaliex l-imħabba, ħuti, u l-qaddisin li ttieħdu mill-imħabba li għallimna Ġesù, kollox taf, din il-kapaċità li inti tiskuża lil ħuk, li inti tagħtih ċans jibda mill-bidu, li aħna nagħtu lil xulxin iċ-ċans li wieħed iwarrab l-għemil tal-imgħoddi u jkollu bidu ġdid.
    “L-imħabba kollox tagħder, kollox temmen”. X’jiġifieri? Inkunu mzazen? Le, biex ngħidha bħalma jgħidha l-poplu tagħna fis-suq. Li inti tagħti l-benefit of the doubt lil ħuk, li inti, jekk hemm interpretazzjoni tajba, tagħżilha. Jinsisti ħafna fuqha din il-ħaġa l-maħbub Papa Franġisku: il-kapaċità li ma nkunux boloh u nibilgħu kollox, imma jekk hemm interpretazzjoni benevola, nikkonċeduha lil xulxin.
    Fuq kollox “l-imħabba kollox tittama”, ma taqta’ qalbha qatt! It-tama hawnhekk u anke t-twemmin mhumiex l-aspetti teoloġiċi li jiena nemmen f’Alla jew nittama fih le, imma jiena nafda, l-imħabba ġġieġħlni nafda, b’għajnejja miftuħa, nittama wkoll b’għajnejja miftuħa dejjem, anzi miftuħa beraħ, imma nittama fl-umanità.
    Ma’ din nixtieq ngħaqqad il-fatt li l-imħabba kollox tittama, tifraħ bi twelid ġdid, għax min għandu l-kuraġġ illum u l-ġenerożità li jkollu t-tfal, għandu fil-qalb tiegħu tama kbira fl-umanità. Jiena qed inkellem komunità li qed ikollha inqas tfal, mhux iżjed. L-aħwa, qegħdin, anzi qbadna t-triq tal-estinzjoni. Iżjed hemm Maltin imutu milli jitwieldu. Ovvjament intom tridu tkunu r-risposta: jiena l-vokazzjoni tiegħi ma tippermettilix, imma min jista’, nagħmillu kuraġġ b’mod speċjali ż-żgħażagħ ma jiċħdux iż-żwieġ u mid-don li jkunu ġenituri. Mhux ta’ wieħed u tnejn biex ikollna token! L-ulied mhumiex token imma don, don ta’ Alla. Imma bl-aspett ta’ solidarjetà, anke soċjali, intom qed tifhmuni x’nixtieq ngħid.
    Il-ġenju Malti li tiegħu Publiju huwa glorja, huwa ġawhra, għandu bżonn ikollu futur minn ġenerazzjoni għall-oħra, u l-ġenerazzjonijiet jiġu mill-ġenerazzjoni, mit-tnissil, min-nisel għal nisel. Il-kelma għandha l-istess għerq u jekk aħna rridu nirritornaw hawnhekk, meta ma nkunux hawn aħna, imma ta’ warajna, irid ikun hawn ta’ warajna. Irid ikun hawn nisel u min jieħu ħsieb in-nisel u jieħu ħsiebu tassew, huwa dak li l-imħabba tiegħu “kollox tittama, kollox tissapporti” għaliex ma jistax ikun li min iħobb, ma jkollux iħallas il-prezz tal-imħabba tiegħu.
    Allura meta aħna naħfru lil xulxin, nagħdru lil xulxin, nafdaw lil xulxin, nittamaw f’xulxin, nissapportu lil xulxin, inkunu qegħdin nisimgħu, mhux biss l-għajta ta’ Publiju li tkellimna anke bil-leaders tagħna. Jiena llum pubblikament, bħalma għamilna diġà, nixtieq nirringrazzja lill-protos tagħna, lill-għażiża President tar-Repubblika, tal-kelma kkurata, tas-sens li tat lill-pajjiż. Aħna għandna d-dover li naħdmu flimkien biex dan il-pajjiż bil-potenzjal tiegħu jkompli jistagħna, mhux biss fl-għana ta’ din id-dinja, imma anke fil-valuri sodi tal-għaqda, tal-għożża, tal-verità, tal-imħabba reċiproka u ta’ djalogu.
    Nirringrazzjaw lil Alla li l-Mulej ipprovdilna leaders li fuq l-eżempju sabiħ ta’ Publiju, jafu jagħtu l-ogħla triq, it-triq tal-imħabba. “Hawn fidi, tama u mħabba” jgħid l-appostlu, “it-tlieta jibqgħu, il-kbira fosthom l-imħabba” (v. 13). Fittxu l-imħabba, ixxenqu wkoll għad-doni tal-Ispirtu, fittxu l-imħabba. Għal din il-kelma għażiża tal-appostlu Missierna, jiena nafda lill-gżejjer tagħna f’idejn l-interċessjoni qawwija ta’ Publiju. Għażiż Publiju, ħares lil Malta u Għawdex, ħares ukoll lill-Furjana u lill-Furjaniżi: agħmilhom ambaxxaturi ta’ dik l-imħabba sabiħa li inti wrejt u li berikt fil-Magħmudija li rċevejt minn għand Pawlu. Kun int, għażiż Publiju, id-dawl li jurina li t-tgħannieqa tagħna ma’ Ġesù, mhix biss wens imma vera glorja. Viva San Publiju. 
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta 
  • Photos: Photocity, Valletta.