Nhar il‑Ħadd li ġej, 22 ta’ Novembru 2020, il‑Knisja Kattolika ser tiċċelebra l‑festa liturġika ta’ Kristu Re. L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna flimkien mal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qed jistiednu rappreżentanza żgħira minn kull parroċċa biex jingħaqdu magħhom għaċ‑ċelebrazzjoni djoċesana.

Din tibda fil‑5:00 p.m. u se ssir fil‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, fejn ser tingħad it‑talba ta’ filgħaxija (l‑għasar). Dakinhar, l‑Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il‑festa importanti għall‑Insara u wara jagħti l‑barka sagramentali. Qabel iċ‑ċelebrazzjoni ser ikun hemm servizz ta’ qrar u wara jkun hemm quddiesa.

Minħabba restrizzjoni ta’ spazju u sabiex jiġu osservati b’attenzjoni l‑miżuri kontra l‑imxija tal‑Covid‑19, kull min jixtieq jattendi għandu jinforma lill‑kappillan tiegħu mill‑aktar fis.

Din iċ‑ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.