L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dis-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa f’kapitlu 4 tibda b’sens kbir ta’ ammirazzjoni għal Ġesù: “Ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). Imma d-diska malajr tinbidel għax lejn tmiem is-silta din l-ammirazzjoni tinbidel f’korla: “Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt u ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija u riedu jixħtuh minn fuq għal isfel” (Lq 4:28-29).

Din hi reazzjoni qawwija ħafna ta’ rabja li twassal anke għar-rieda li dak li jkun teliminah min-nofs. Min jaf kemm-il darba fl-istorja tal-umanità, vuċijiet li għalina jkunu skomdi, mhux biss nirrispondu għalihom bil-korla imma saħansitra jiġina f’moħħna li neliminawhom u f’ċerti każi jirnexxilna wkoll.

Ġesù għadda minn din l-esperjenza bħall-profeti kollha. Il-profeti huma dawk li għandhom messaġġ li mhux bilfors idoqq għal widnejna. Hemm frażi li laqtitni ħafna u meta naħseb fiha nammetti li nidħol f’qoxorti. X’jgħidulu lil Ġesù? Anzi, jantiċipa dak li se jgħidulu. “Tabib, fejjaq lilek innifsek” (Lq 4:23). It-tabib hu dak li jfejjaq. It-tabib tmur għandu mhux biex jgħidlek kemm int b’saħħtek imma biex jekk hemm xi ħaġa li għandek bżonn tirranġa, tirranġaha. Mhux l-ewwel darba li t-tabib jgħidlek xi ħaġa li jkollu bżonn jgħidha wkoll lilu nnifsu.

Din tiġri lil kull min irid jitkellem f’isem Alla u meta jħares lejn il-mera, bħalma drabi jiġri lili, jgħid l-ewwel kelma li jrid jgħid Alla hu lili għax jiena għandi l-missjoni, bħalma l-Knisja għandha l-missjoni li twassal it-tagħlim. Imma ħafna drabi mbagħad l-għemil tagħna jiġi nieqes. Il-kelma tagħna hi kelma li trid tfejjaq, li twiddeb, li tgħid x’għandu jsir, imma jkun hemm min – u ma nagħtihx tort – li jgħid: ‘imma sew titkellmu tajjeb, tafu żżelquha l-kelma, imma meta niġu għall-fatti, fiex qegħdin?’

Il-fatt li l-Knisja, fil-komunità u fir-rappreżentanti tagħha, mhux dejjem jirnexxilha tagħmel dak kollu li jrid Ġesù, ma jfissirx li trid tagħlaq ħalqha

“Tabib, fejjaq lilek innifsek”. Ġesù japplika din il-frażi għas-sitwazzjoni tiegħu għax kien qed jantiċipa li l-kliem tiegħu mhux bilfors se jintgħoġob, li daqqa jċapċpulek u daqqa jċapċpuhielek. Mhux hekk? Bl-umiltà u l-għerf tal-Mulej, Ġesù, il-Ħaruf bla Tebgħa, jaf li aħna li sejħilna d-dawl, kultant inkunu dlam. Aħna li sejħilna l-melħ tal-art, kultant il-melħ tagħna jkun ilu li qata’ u jibqa’ bla togħma.

“Tabib, fejjaq lilek innifsek”. Imma t-tabib, għalkemm forsi għandu bżonn ifejjaq lilu nnifsu, ma jiqafx ikun tabib. Bir-rispett kollu lejn il-professjoni, jekk tabib jgħidli biex ma npejjipx u hu qed ipejjep il-ħin kollu, it-tnejn li aħna għandna bżonn nieqfu npejpu, kemm jien u kemm it-tabib. Imma l-fatt li hu għadu ma waqafx ipejjep ma jfissirx li dak li qalli hu ħażin. Il-fatt li l-Knisja, fil-komunità u fir-rappreżentanti tagħha, mhux dejjem jirnexxilha tagħmel dak kollu li jrid Ġesù, ma jfissirx li trid tagħlaq ħalqha.

“Tabib, fejjaq lilek inifsek”. Din il-kelma ta’ Ġesù nilqgħuha b’umiltà kbira għax għandna bżonnha kontinwament u ħafna jfakkruhielna, mhux darba iva u darba le, iżda kull minuta u kull sekonda. Morru fuq is-social media. La qed nitkellmu fuq is-social media, nistgħu nibdew nippreparaw għall-festa tal-Appostlu Missierna, u ma neħdux bis-serjetà l-kelma li qed jagħtina llum mill-Ittra tiegħu lill-Korintin? Meta jammira t-talenti li hemm fil-poplu ta’ Alla, “Jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll” (1 Kor 12:31). X’inhi din it-triq? It-triq tal-imħabba. Hawn min jiftaħar li hu Kattoliku iżjed mill-Papa imma m’għandux imħabba. Jisma’ l-kelma tal-Appostlu Missierna: “Kieku kelli l-fidi li hija qawwija imma m’għandix imħabba, m’għandiex karità, xejn ma jkun jiswili ta’ ġid” (ara 1 Kor 13:2).

Min jaf kemm-il darba fl-istorja tal-umanità, vuċijiet li għalina jkunu skomdi, mhux biss nirrispondu għalihom bil-korla imma saħansitra jiġina f’moħħna li neliminawhom u f’ċerti każi jirnexxilna wkoll

Meta niġġudikaw lil xulxin, nitkellmu iebes fuq xulxin jew inzekzku fuq xulxin, kultant naqilgħu xi ħaġa mhux vera fuq xulxin li jgħidulha ‘kalunja’. Ta’ min nistaqsu lilna nfusna: imma l-imħabba f’dan kollu fejn qiegħda?

Aħna niftaħru li aħna wlied San Pawl. Min jaf x’festa se nippruvaw nagħmlulu fl-10 ta’ Frar! Imma dil-kelma tiegħu tajjeb li nqisuha. Din hi silta li nħobbu nisimgħuha fit-tiġijiet. Infatti 10 snin ilu l-Papa Franġisku, meta tana dokument sabiħ dwar il-Ferħ tal-Imħabba, Amoris Laetitia, għamel kapitlu li fiha jieħu dan il-kliem mis-silta tal-Appostlu Missierna u jagħti kummentarju sabiħ u japplikaha għall-ħajja taż-żwieġ. “L-imħabba taf tistabar u tħenn, l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nnifisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tagħmilx dak li mhux xieraq, ma tfittix dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha d-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifrah bil-verità. L-imħabba kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti” (1 Kor 13:4-7).

Kien hemm studjuż bravu li f’wieħed mill-irtiri li kien jagħti ssuġġerixxa li dak li jkun minflok ‘imħabba’ jaħseb f’ismu. Charles, jaf jistabar u jħenn? Charles jaf ma jgħirx? Għaliex aħna rridu nkunu mħabba konkreta. Nippruvaw nagħmlu dan l-eżerċizzju. Nerġgħu naqraw is-silta tal-Appostlu Missierna u fejn hemm il-kelma ‘mħabba’ poġġi ismek. Ikun eżami sabiħ li t-tabib tar-ruħ jixtieq jagħtina lllum. “Tabib, fejjaq lilek innifsek”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 1:4-5,17-19
Salm: 70(71):1-2,3-4a,5-6ab,15ab,17
Qari II: 1 Kor 12:31; 13:1-13
L-Evanġelju: Lq 4:21-30