• Jum il-Ħajja Kkonsagrata jiġi ċċelebrat kull sena fit-2 ta’ Frar. Din is-sena, din iċ-ċelebrazzjoni għandha tifsira speċjali għaliex il-Papa Franġisku ddedika l-2015 għall-Ħajja Kkonsagrata, jiġifieri għall-membri tal-ordinijiet u l-kongregazzjonijiet reliġjużi.

    Għal din l-okkażjoni ser issir ċelebrazzjoni nhar it-Tnejn, 2 ta’ Frar 2015, li għaliha qed jiġu mistiedna kemm il-membri tal-ħajja kkonsagrata, kif ukoll is-saċerdoti djoċesani u l-lajċi, biex flimkien jiċċelebraw il-ħajja kkonsagrata bħala don ta’ Alla lill-Knisja. Din iċ-ċelebrazzjoni ser issir fis-Santwarju ta’ Santa Tereża, Birkirkara, u tibda fis-6.30 p.m. L-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, ser jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni li ser tinkludi qsim ta’ esperjenzi minn membri tal-ħajja kkonsagrata, messaġġ mill-Isqof Scicluna, u mument ta’ talb quddiem Ġesù Ewkaristija. L-attività qed tiġi organizzata mill-Konferenza tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR).

    L-għan tas-sena ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata huwa li titqajjem kuxjenza dwar il-valur tal-ħajja kkonsagrata, li l-Knisja tkompli tiskopri s-sabiħ u l-bżonn ta’ din il-karizma fil-ħajja tagħha, u li toffri wkoll żmien ta’ eżami kollettiv tas-sitwazzjoni preżenti tal-ħajja kkonsagrata.

    Fiż-żewġ djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex, in-numru ta’ persuni fil-ħajja kkonsagrata, inkluż dawk li jaħdmu barra minn Malta, huwa ta’ madwar 1,574 (501 rġiel u 1,073 nisa). Dan ma jinkludix is-saċerdoti djoċesani u numru żgħir ta’ lajċi kkonsagrati.