• Nhar it-23 ta’ Jannar 2015, ġiet iċċelebrata Quddiesa organizzata mid-direttorju tal-AKM u l-gazzetta Lehen is-Sewwa fl-okkazjoni tal-Festa ta’ San Frangisk de Sales. Il-Quddiesa ġiet iċċelebrata mid-Delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali, Fr Charles Tabone O.P. 

    San Franġisk de Sales, il-ġurnalisti u dak li ġara fi Franza

    Il-festa ta’ San Franġisk de Sales, il-padrun tal-ġurnalisti, niċċelebrawha kull sena, biss inħoss li din is-sena għandha tifsira partikolari minħabba dak li ġara fi Franza. L-att barbaru, terroristiku, li sar hu ta’ min jikkundannah mingħajr riservi. Hu att li jmur kontra l-espressjoni ħielsa.

    Dak li ġara jġagħlna nirriflettu fil-fond. Id-dinja wriet solidarjetà kbira mal-ġurnalisti li mietu u allura mal-ġurnalisti kollha. U sew tagħmel għax ħafna ġurnalisti jagħtu ħajjithom biex jaqdu dmirhom. Dan ta’ min jammirah.

    Iżda imbagħad xi ġralna? Charlie Hebdo x’ippubblika? Dak li ppubblika jġagħlna nirriflettu ħafna anki fuq l-iskop tal-ġurnaliżmu u tal-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, kif jgħallimna wkoll San Frangisk de Sales.

    Għaliex San Franġisk de Sales hu l-padrun tal-ġurnalisti? Għax daħal għal avventura straordinarja għal dak iż-żmien. Bħala saċerdot, b’inizjattiva proprja, mar l-Isvizzera fejn fi żmien ir-Riforma Protestanta kienet territorju kalvinista u jikkalkulaw li madwar 60,000 ruħ daru għal kalviniżmu. Jiġifieri dawn kienu Kattoliċi u saru protestanti. U San Franġisk de Sales ħa b’impenn personali li jmur jippriedka ħalli lil dawn ir-riformisti jġibhom lura lejn il-fidi Kattolika.

    Għamel tliet snin jippriedka. Kien persistenti u kien imur iħabbat bieb, bieb, biex iressaqhom lura lejn il-fidi Kattolika. Għamel tliet snin li matulhom kulħadd kien isabbatlu l-bieb ma’ wiċċu sakemm ġietu l-idea li l-priedki tiegħu jiktibhom, jikkupjahom b’idu u jitfagħhom taħt il-bibien ta’ dawk in-nies. Għalhekk hu l-protettur tal-ġurnalisti, għax uża mezz, il-kitba, biex jasal fejn jixtieq. Qablu għamilha San Pawl u l-appostli li kitbu ittri. San Pawl kien jikteb ittri ċirkolari li oriġinarjament kienu indirizzati lil xi knisja partikolari iżda tant kien ikollhom tagħlim sabiħ li kienu jduru minn knisja għal oħra. U kulħadd kien jieħu t-tagħlim li kien ixandar San Pawl.

    San Franġisk de Sales għamel l-istess u r-riżultat kien li f’qasir żmien, wara dawk it-tliet snin iħabbat il-bibien, ikkonvertew 40,000 ruħ. X’kien l-iskop ta’ San Franġisk de Sales li juża dan il-mezz biex jasal għand dawn in-nies? Ried jerġa’ iġibhom fi ħdan il-Knisja Kattolika. Kien juri lill-bnedmin il-ħlewwa tal-imħabba ta’ Alla. Jiġifieri l-iskop tiegħu kien li jagħmel il-ġid lill-bniedem. Ikun għajb għall-ġurnaliżmu jekk ma jkollux l-iskop li jagħmel il-ġid lill-bniedem.

    Dak il-ġurnaliżmu li b’xi mod jagħmel ħsara lill-bniedem hu aljenat u aljenanti. Aljenat ifisser li tilef l-iskop oriġinali tiegħu. Jien nikkomunika mhux sempliċiment biex int ikollok informazzjoni u taqta’ il-kurżità bħalma qed jiġri daż-żmien bil-facebook. Il-komunikazzjoni trid twassal għal relazzjoni li permezz tagħha nagħmlu l-ġid lil xulxin.

    Il-komunikazzjoni u r-relazzjoni huma magħquda b’mod inseparabbli. Ma tistax tifridhom. Għalhekk dik il-komunikazzjoni li ma twassalx biex tibni relazzjoni, biex tgħaqqad, titlef l-iskop tagħha. Komunikazzjoni li tifred, li flok paċi u mħabba tiżra l-mibgħeda u l-gwerra, hi aljenata. U jekk dan it-tip ta’ ġurnaliżmu jippropaga l-firda u l-mibgħeda hu wkoll aljenanti għax iqiegħed lil ħaddieħor fl-aljenazzjoni.

    Min fejn ġej li l-komunikazzjoni trid twassal għar-relazzjoni fejn aħna nagħmlu l-ġid lil xulxin? Ġej minn Alla nnifsu. Għalhekk il-ġurnalist Kattoliku bilfors irid ikun hekk. Jien ngħid li mhemmx għalfejn tkun Kattoliku biex tkun ġurnalist ta’ din il-kwalità. Ta’ din il-filosofija. Iżda aħna li aħna Kattoliċi, li nemmnu f’Alla, aktar nifhmu għaliex irridu nkunu hekk.

    Alla l-imbierek hu fih innifsu komunikazzjoni u relazzjoni intima u personali. It-tliet persuni tat-Trinità qegħdin f’komunikazzjoni perenni u perfetta u f’relazzjoni tant sħiħa li ma nitkellmux minn tliet Allat iżda minn Alla wieħed. Ara x’jagħmlu l-komunikazzjoni u r-relazzjoni. Iġibu għaqda perfetta fejn dawk involuti jagħmlu l-ġid lil xulxin.

    Għax Alla hu mħabba, ried jikkomunika magħna biex jifrex imħabbbtu fuqna u jagħmlilna l-ġid. Kif issemmi l-ittra lil-Lhud, Alla ħalaqna biex jikkomunika magħna, baqa’ jikkomunika magħna sakemm wasal għall-milja tal-komunikazzjoni fil-persuna ta’ Ibnu l-għażiż li sar bniedem bħalna u ħaġa waħda magħna, bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. U x’għamel meta kkomunika magħna permezz ta’ ibnu stess? Irrivelalna li Alla hu wieħed fi tliet persuni. Uriena fil-prattika u fil-konkret l-imħabba ta’ Alla għax Kristu ta ħajtu għalina.

    Mela jeħtieġ li aħna li għandna l-fidi, fix-xogħol tagħna ġurnalistiku jew fil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, ikollna l-ispirazzjoni li bħal Alla nikkomunikaw mhux għall-iskop ta’ informazzjoni u għall-kurżità iżda biex permezz tal-komunikazzjoni naslu biex nibnu relazzjoni. Biex nersqu kemm nistgħu lejn xulxin u nagħmlu ġid lil xulxin.

    Biex nagħmel riferenza għal dak li ġara fil-każ ta’ Charlie Hebdo, jien bħala Nisrani Kattoliku ma nistax naqsam filosofija ta’ ġurnaliżmu li ġġib il-firda u imbagħad il-mibgħeda. Għax meta xi ħadd joffendik fil-laħam il-ħaj b’dak li temmen fih, ikun qed jiżra l-mibgħeda u l-firda, jiġifieri inkun vjolenti. Se jkolli ngħidha għax deher anki f’gazzetti Maltin, li waħda mill-karikaturi ta’ Charlie Hebdo kienet tat-Trinità f’orġja sesswali. Tista’ lili li qed ngħid li nemmen fi Kristu li rrilevali t-Trinità, komunikazzjoni perenni u perfetta, għaqda ta’ imħabba sħiħa, li tagħmel minn dawn it-tliet persuni Alla wieħed, ma toffendinix? U x’se tieħu billi toffendini?

    Jien mgħallem li għalkemm noffendi ruħi ma nirritaljax. Dan hu wieħed mill-valuri tal-Vanġelu. U jien ninsisti fuqha din. Ma naqbilx mar-ritaljazzjoni li saret. Ma naqbel mal-ebda forma ta’ ritalazzjoni, aħseb u ara mar-ritaljazzjoni bil-mod vjolenti li saret li fiha mietu n-nies. Jekk trid tiddefendi dak li temmen fih uża l-mezzi ċivili li jipprovdilek l-Istat. Nagħmilha ċara, li toffendi hu dejjem ħażin u vjolenti imma lilna l-fidi tagħna tgħallimna biex ma nirritaljawx. Jekk taqla’ daqqa ta’ ħarta fuq ħaddejk il-leminija dawwar wiċċek biex taqlagħha wkoll fuq ix-xellugija. U Kristu wrina dan għax fuq is-salib ħafer lil dawk li sallbuh. Ma rritaljax. Kellu l-isfida li jirritalja u rrisponda ‘aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu’.

    Dan ma jnaqqasx il-fatt li bħala Kattoliċi ninsistu li l-iskop tal-komunikazzjoni hu li jiżra’ l-imħabba, joħloq relazzjoni, insiru nafu lil xulxin mhux sempliċiment biex inkun naf fuqek iżda biex insir nafek u nidħol f’relazzjoni miegħek. Hekk nistgħu naslu biex nagħmlu l-ġid lil xulxin.

    Mill-komunikazzjoni jrid joħroġ il-paċi. Mill-paċi trid toħroġ il-ġustizzja bejn il-bnedmin. Jalla San Franġisk de Sales li hu l-protettur tal-ġurnalisti u ta’ kull min jaħdem fil-media jgħin mhux biss lilna l-Insara iżda lil kulħadd ħalli nwasslu l-messaġġ biex il-komunikazzjoni ma tkunx aljenata u aljenanti. Tkun iffokata biex tassew tagħmel il-ġid lil ħaddieħor kif inhu l-veru skop tagħha.  

    Fr. Charles Tabone O.P.

    Delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali

  • Ritratti: Stanley Spiteri