-
-
Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Kurja tal-Arċisqof
28 ta’ Settembru 2019Fis-seminar tas-16 ta’ Marzu 2019, fuq is-sinodalità fil-Knisja, f’punt nru 5 (mill-10 punti) tkellimt dwar is-sinodalità li tfisser valorizzazzjoni tal-kariżmi, parteċipazzjoni, korresponsabbiltà:
“Karatteristika ta’ dan l-istil ta’ Knisja hi l-valorizzazzjoni tal-kariżmi li l-Ispirtu jagħti skont il-vokazzjoni u r-rwol ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tiegħu, permezz ta’ dinamiżmu ta’ korresponsabbiltà. B’dan il-mod, nistgħu nimxu lejn Knisja parteċipattiva u korresponsabbli, li kapaċi tivvalorizza l-għana tal-varjetà li minnha magħmula, u tilqa’ bil-gratitudni anki s-sehem tal-lajċi, fosthom żgħażagħ u nisa, dak tal-ħajja kkonsagrata femminili u maskili, u dak tal-gruppi, għaqdiet u movimenti. Ħadd ma għandu jitwarrab jew iwarrab.”
Illum se niffoka fuq il-kariżmi fi ħdan il-Knisja komunjoni, u se nagħmel dan fid-dawl tal-orjentament li ta u qed jagħti Papa Franġisku f’diversi diskorsi u messaġġi.
-
Għajn tal-unità
F’kull diskors dwar il-komunjoni u l-kariżmi, irridu nitilqu mill-Ispirtu s-Santu. Hu l-Ispirtu li jgħaqqad il-Knisja fid-diversità tagħha. Jekk immorru lura għax-xena tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu, naraw proprju dan: il-Knisja fid-diversità tagħha (diġà hemm ġnus differenti preżenti għall-Għid il-Ħamsin) imma magħquda fl-istqarrija tal-fidi waħda. Hija unità mhux uniformità.
Meta nitkellmu fuq komunjoni fil-Knisja, qed nitkellmu fuq l-essenza tagħha. Kultant aħna nirraġunaw li għandna naħdmu flimkien għax teamwork dejjem aħjar, għax flimkien tilħaq aktar l-għan tiegħek, għax illum iż-żminijiet hekk jitolbu, u dan hu minnu. Imma l-komunjoni fil-Knisja qabel mhi ħidma li rridu nagħmlu, jew xi ħaġa li rridu noħolqu, hi don li rridu naċċettaw minn Alla Trinità, li hu nnifsu komunjoni u jagħtina l-qawwa biex insiru nixbhuh – għalkemm nagħmlu dan b’mod imperfett.
Il-Kelma ta’ Alla tagħtina diversi xbihat li jfissru din il-komunjoni: bħax-xbieha tal-friegħi u d-dielja (ara Ġwanni 15:1-8) li tgħaqqad mat-tema ‘Aħna friegħi ta’ siġra ħajja’; jew ix-xbieha tal-ġisem li fih ħafna membri, u lkoll huma importanti, u dawk dgħajfa għandhom jingħataw l-iktar attenzjoni (ara 1 Kor 12:12-31).
Kif talab Ġesù fl-Aħħar Ċena: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġwanni 17:21). Din hi t-talba insistenti li għamel Ġesù: li nkunu lkoll ħaġa waħda. Biex id-dinja temmen li Ġesù hu l-Mulej, hemm bżonn li tara l-għaqda bejn dawk li jemmnu. Papa Franġisku jgħid: Jekk id-dinja tara l-firda, ir-rivalità, it-tqassis malizzjuż, it-terroriżmu tal-għajdut, dan kollu joħloq diffikultà għall-evanġelizzazzjoni.
Il-kariżma hi rigal ta’ Alla, biex bl-istess gratwità u l-istess imħabba li persuna rċevietha mingħandu, tkun tista’ tqegħidha għas-servizz tal-komunità, għall-ġid tal-oħrajn.
-
Għajn tad-diversità
L-Ispirtu s-Santu, li hu l-għajn tal-unità, hu wkoll l-għajn tad-diversità fil-Knisja. Mill-bidu l-Mulej ta lill-Knisja d-doni tal-Ispirtu s-Santu, u hekk għamilha dejjem ħajja. Fost dawn id-doni, jingħażlu xi wħud li huma partikolarment prezzjużi għall-bini u l-mixja tal-komunità Nisranija: dawn huma l-kariżmi.
X’inhi kariżma? Kif għandna nagħrfuha u nilqgħuha? U l-fatt li fil-Knisja hemm diversità ta’ kariżmi, għandna nħarsu lejh f’sens pożittiv, bħala xi ħaġa sabiħa li tagħmel lill-Knisja għanja, jew bħala problema li rridu naraw kif insolvuha?
- Il-kariżma fil-perspettiva Nisranija
Fil-lingwaġġ li soltu nużaw, meta nitkellmu fuq ‘kariżma’, spiss inkunu nfissru talent jew ħila naturali. Ġieli ngħidu: “Din il-persuna għandha kariżma speċjali biex tgħallem.” Għal persuna li nqisuha brillanti, ngħidu: “Hi persuna kariżmatika” jew “Għandha kariżma”.
Imma fil-perspettiva Nisranija, il-kariżma hi wisq aktar minn kwalità personali li wieħed jista’ jkun imżejjen biha. Il-kariżma hi grazzja, don imsawwab minn Alla permezz tal-ħidma tal-Ispirtu tiegħu (ara 1 Kor 12:4). Dan id-don jingħata lil xi ħadd mhux għax hu bravu jew għax hi brava iktar mill-oħrajn. Lanqas ma jingħata għax persuna jistħoqqilha. Il-kariżma hi rigal ta’ Alla, biex bl-istess gratwità u l-istess imħabba li persuna rċevietha mingħandu, tkun tista’ tqegħidha għas-servizz tal-komunità, għall-ġid tal-oħrajn.
Alla jagħti minn din il-kariżma lil din il-persuna, imma mhux biex iżżommha għaliha, jew b’xi mod taħbiha biex tgawdiha hi, imma biex tkun ta’ servizz għall-komunità.
- Il-kariżma tikber fi ħdan komunità
Papa Franġisku jispjega kif wieħed ma jistax jifhem waħdu jekk għandux kariżma, u liema hi. Hu jispjegaha b’mod li nifhmu tajjeb il-punt. Jgħid li kultant issib xi ħadd li jgħid: “Jien għandi din il-kwalità, jien naf inkanta tajjeb ħafna”. U ħadd ma jkollu l-kuraġġ jgħidlu: “Aħjar jekk iżżomm ħalqek magħluq, għax tweġġgħalna rasna kollha meta tkanta!” Il-punt li qed jagħmel il-Papa hu li ħadd ma jista’ jgħid: “Jien għandi din il-kariżma”. Hu fi ħdan il-komunità li jinbtu u jwarrdu d-doni li jxerred fuqna l-Mulej; u hu f’ġuf il-komunità li nitgħallmu nagħrfuhom bħala sinjal ta’ mħabbtu għalina lkoll.
Għalhekk għandna nistaqsu lilna nfusna: hemm xi kariżma li l-Mulej nibbet fija, bil-grazzja tal-Ispirtu tiegħu, u li ħuti, fil-komunità Nisranija, għarfu u qed iħeġġu fija? U kif qed inġib ruħi jien fid-dawl ta’ dan id-don? Qed ngħixu b’ġenerożità, u nqiegħdu għas-servizz ta’ kulħadd, jew qed nittraskurah? Dan id-don hu motiv ta’ gratitudni lejn Alla, jew sar fija motiv ta’ kburija, hekk li spiss ingerger fuq l-oħrajn u nippretendi li fil-komunità jsir kif ngħid jien? Jien kuntent bil-kariżma li l-Mulej tani, jew b’xi mod għajjur għall-kariżmi tal-oħrajn?
Tkun tassew ħasra jekk dawn id-doni jsiru motiv ta’ mibegħda, ta’ firda, ta’ għira. Il-kariżmi kollha huma importanti f’għajnejn Alla; fl-istess ħin, ħadd ma hu insostitwibbli
-
Il-kariżmi tal-għaqdiet, movimenti, komunitajiet
Waħda mill-esperjenzi verament sbieħ fil-Knisja hi meta niskopru kemm kariżmi differenti u kemm doni tal-ispirtu tiegħu l-Mulej isawwab fuq il-Knisja tiegħu. Jagħmel dan mhux biss individwalment, imma wkoll permezz ta’ kongregazzjonijiet, għaqdiet, movimenti u komunitajiet li jesprimu kariżmi differenti fi ħdan Knisja waħda. Dawn huma frott ta’ kariżmi li rċevew individwi partikulari (li aħna spiss insejħu fundaturi) u li qegħduhom għas-servizz ta’ tant nies.
M’għandniex inħarsu lejn din id-diversità bħala motiv ta’ konfużjoni jew xi ħaġa li ddejjaqna. Dawn kollha huma rigali li Alla jagħmel lill-komunità Nisranija, biex tkun tista’ tikber fl-armonija, fil-fidi u fl-imħabba tiegħu, bħala ġisem wieħed, il-ġisem ta’ Kristu. Hu l-istess Spirtu li jagħti din id-differenza ta’ kariżmi dak li jġib l-għaqda fil-Knisja. Għalhekk quddiem din id-diversità ta’ kariżmi, qalbna għandha tinfetaħ għall-oħrajn bil-ferħ u ngħidu: Kemm hi ħaġa sabiħa li għandna tant doni diversi, għax aħna lkoll ulied Alla, ulied maħbuba b’mod hekk uniku!
-
Il-kariżmi qatt ma għandhom ikunu motiv ta’ firda
Hu importanti li kull għaqda, moviment, komunità tagħraf aħjar il-kariżma mogħtija minn Alla, u din qatt ma tkun għajn ta’ kburija. M’għandhiex tkun motiv biex jien li nappartjeni lil dan il-moviment inħares lejn l-oħrajn qishom għandhom xi ħaġa nieqsa f’ħajjithom għax m’għandhomx il-kariżma tagħna. Qishom jonqoshom xi ħaġa. Meħtieġ rispett sħiħ lejn din id-diversità fi ħdan il-Knisja. Dak li jien skoprejt jimla lil qalbi, u qiegħed hemm mhux għalija nnifsi imma biex noffrih għall-ġid tal-Knisja kollha, biex jagħmel aktar għanja l-Knisja.
Tkun tassew ħasra jekk dawn id-doni jsiru motiv ta’ mibegħda, ta’ firda, ta’ għira. Il-kariżmi kollha huma importanti f’għajnejn Alla; fl-istess ħin, ħadd ma hu insostitwibbli. Dan ifisser li fil-komunità Nisranija għandna bżonn wieħed tal-ieħor. Kull don milqugħ jitwettaq b’mod sħiħ meta jinqasam mal-aħwa għall-ġid ta’ kulħadd. Din hi rikkezza fil-Knisja. Meta l-Knisja, fil-firxa tal-kariżmi tagħha, tesprimi ruħha f’komunjoni, hemm joħorġu tassew il-ġmiel u l-qawwa tagħha biex flimkien nistgħu lkoll kemm aħna nidħlu fil-qalba tal-Evanġelju u nitgħallmu nimxu wara Ġesù fil-ħajja tagħna.
-
Il-freskezza tal-kariżma
Il-kariżma mhix qiegħda biex inqegħduha safe f’xi maħżen. Fi kliem Papa Franġisku, il-kariżma mhix biex tippreservaha fi fliexken bħal ilma distillat. Hu importanti li nżommu dejjem il-freskezza tal-kariżma, u naraw li din il-freskezza ma tirvinax ruħha.
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, tista’ tikber it-tentazzjoni li nikkuntentaw ruħna bi skemi li jserrħu r-ras, imma li jkunu sterili. M’għandniex nidentifikaw il-kariżma ma’ attività li drajna nagħmlu jew li ilna snin nagħmlu. Din tiġri kultant: li nibdew ngħidu ‘dejjem hekk sar’ għall-forom jew metodi jew drawwiet li kellna għal numru ta’ snin. Hi t-tentazzjoni li nagħlqu l-ispirtu f’gaġġa. Jekk hi ħaġa naturali li l-kariżma tkun xi ftit istituzzjonalizzata biex tibqa’ ħajja, ma għandux ikollna l-illużjoni li l-istrutturi esterni jistgħu jiggarantixxu l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu.
Irridu nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nwieġbu b’entużjażmu mġedded għas-sejħa tiegħu llum: dan kien il-kuraġġ evanġeliku li wassal għat-twelid tal-għaqdiet, movimenti u komunitajiet tal-lajċi. Jekk nibqgħu marbutin mal-forom u l-metodi jew l-attivitajiet fihom infushom, dawn jispiċċaw biex isiru ideoloġija, li tkun bogħod mir-realtà li tkun qed tiżviluppa; jekk nibqgħu magħluqin għan-novità tal-Ispirtu s-Santu nispiċċaw biex nifgaw l-istess kariżma li ġġeneratna.
Jeħtieġ li nduru dejjem lejn l-għejun tal-kariżmi u b’hekk insibu l-qawwa u l-ħeġġa biex naffrontaw l-isfidi ta’ żminijietna u biex inkunu dejjem miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla.
-
Il-komunjoni tal-kariżmi quddiem l-isfidi ta’ żmienna
Il-vera komunjoni ma tistax teżisti f’moviment, f’għaqda jew f’komunità ekkleżjali jekk din ma tintegrax ruħha f’komunjoni akbar li hi l-Knisja Ommna. Dan hu li Papa Franġisku jfisser meta f’Evangelii gaudium (ara 234-237) jitkellem fuq is-sħiħ li jiżboq il-parti u li l-parti tagħmel sens f’relazzjoni mal-ħaġa sħiħa.
Il-Papa jfisser kif il-komunjoni tgħinna naffrontaw il-kwistjonijiet l-aktar importanti bħalma huma l-ħajja, il-familja, il-paċi, il-ġlied kontra l-faqar fis-suriet kollha tiegħu, il-libertà reliġjuża u l-edukazzjoni. Il-movimenti, l-għaqdiet u l-komunitajiet ekkleżjali huma partikolarment imsejħin biex jikkollaboraw ħalli jfejqu l-feriti ta’ mentalità globalizzata li timmira biss lejn il-konsumiżmu filwaqt li tinsa lil Alla u l-valuri essenzjali tal-eżistenza.
Nitolbu llum lill-Mulej biex jagħtina l-grazzja li nħobbu ħafna lill-Knisja, li napprezzaw fiha d-diversità ta’ kariżmi, li nkunu grati lejn il-kariżma tagħna u noffruha għall-ġid tal-oħrajn, u li nkomplu naħdmu bi spirtu ta’ komunjoni li jkun jesprimi tassew dak li aħna u dak li l-Mulej iridna nkunu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -