• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

  • Il-Knisja ta’ San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex
    3 ta’ Ottubru 2019

    San Franġisk hu qaddis popolari. Kif issemmih, ħafna mill-ewwel iġibu quddiem għajnejhom il-paċi, l-ambjent, il-faqar. Dan bir-raġun, għax San Franġisk hu xhud ta’ kif tkun strument tal-paċi, kif tirrispetta l-ħolqien, u ta’ kif tgħix il-faqar u tħobb u tgħin lill-fqar.

    Nixtieq li llum l-ewwel nett nistaqsu: x’kien dak li mexxa lil Franġisku f’ħajtu biex seta’ jagħmel ċerti għażliet radikali li għadhom jattiraw tant nies?

    Relazzjoni ma’ Ġesù

    Kienet il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù li biddlet lil ħajtu u wasslitu biex jiltaq il-ħajja komda u moħħ ir-riħ li kien qed jgħix, u jibda jgħix tassew ta’ iben il-Missier li qiegħed fis-smewwiet. Għalhekk, għax iltaqa’ ma’ Ġesù, ried isir jixbhu bl-iktar mod radikali.

    L-ewwel messaġġ li jagħtina għal ħajjitna hu dan: li nkunu Nsara jfisser qabel xejn li jkollna relazzjoni personali ma’ Ġesù. Franġisku beda sewwasew mill-ħarsa ta’ Ġesù fuq is-salib fil-Knisja ta’ San Damjan, hu u jitlob quddiem il-Kurċifiss. Papa Franġisku, meta kien Assisi, osserva kif f’dan il-Kurċifiss id-demm jidher nieżel mill-ġrieħi ta’ idejn Ġesù, u ta’ riġlejh u tal-kustat, imma dak id-demm jesprimi l-ħajja. Ġesù m’għandux għajnejh magħluqin imma miftuħa beraħ, u din hi ħarsa li tkellem il-qalb.

    Il-Kurċifiss ikellimna mhux dwar telfa imma dwar mewt li tagħti l-ħajja. Ikellimna dwar l-imħabba li ma tmutx, anzi li hi rebbieħa fuq il-ħażen u fuq il-mewt. Bħal Franġisku, aħna msejħin biex inħallu lil Ġesù jħares lejna, b’mod li aħna nħossuna tassew maħbuba ukoll jekk midinbin.

    Nixtieq nagħmel din it-talba lil San Franġisk: għallimna noqogħdu quddiem il-Kurċifiss, inħalluh iħares lejna, iħobbna, jaħfrilna, u jagħmilna ħolqien ġdid bi mħabbtu.

    Il-messaġġ li jagħtina Franġisku hu messaġġ ta’ qalb ħelwa u umli li tgħinna negħlbu l-arroganza, il-preżunzjoni, is-suppervja, u d-disprezz tal-oħrajn.

    Il-paċi

    Lil Franġisku ħafna jassoċjawh mal-paċi, u jagħmlu sew. Imma liema hi l-paċi li Franġisku laqa’, għex u għadda lill-oħrajn? Hi l-paċi li Kristu Rxoxt ta lid-dixxipli tiegħu meta deher fosthom.

    Il-paċi ta’ Franġisku mhix paċi sentimentali, u lanqas mhi paċi li tgħaqqadna ma’ xi enerġiji tal-univers. Hi l-paċi ta’ Kristu “ta’ qalb ħelwa u umli”, bħalma smajna fl-Evanġelju, il-paċi li toħroġ mill-imħabba kbira tiegħu lejna. Il-messaġġ li jagħtina Franġisku hu messaġġ ta’ qalb ħelwa u umli li tgħinna negħlbu l-arroganza, il-preżunzjoni, is-suppervja, u d-disprezz tal-oħrajn.

    Għalhekk nixtieq nitlob lil San Franġisk: Nitolbuk, għallimna nkunu ‘strumenti tal-paċi’, tal-paċi li l-għajn tagħha hu Alla, il-paċi li ġabilna l-Mulej Ġesù.

    Il-ħolqien

    Franġisku hu assoċjat mal-ambjent. Min jafu sew, jaf li kellu mħabba kbira lejn il-ħolqien, u kien ifaħħar lill-Mulej li l-kobor tiegħu jidher fil-ħlejjaq tiegħu. Franġisku hu xhieda tar-rispett lejn dak kollu li ħalaq Alla biex inħarsuh, ngħinuh jikber u jkun dejjem iżjed sabiħ. Fuq kollox Franġisku hu xhieda li l-bniedem hu fiċ-ċentru ta’ dan il-ħolqien ta’ Alla, fil-post fejn iridu l-Ħallieq.

    Il-messaġġ li jagħti lilna hu messaġġ qawwi ta’ rispett lejn il-ħolqien; lejn l-ilma, il-baħar, is-siġar, il-fjuri, l-annimali. M’għandniex infittxu l-interessi immedjati tagħna akkost li neqirdu l-ħolqien. Irridu nħarsu l-ħolqien, don ta’ Alla, u nħarsuh għalina, għas-saħħa tagħna, u wkoll għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna li lejhom aħna għandna r-responsabbiltà llum.

    San Franġisk, nitolbuk: iksbilna mingħand Alla d-don li f’din id-dinja tagħna jkollna l-armonija u r-rispett lejn il-ħolqien!

    Il-faqar

    Franġisku, bin negozjant għani ta’ Assisi, għażel li jixbah lil Ġesù fil-faqar tiegħu – Ġesù li għalkemm kellu kollox, ftaqar hu biex bil-faqar tiegħu nistagħnew aħna. Għalhekk fil-ħajja kollha ta’ Franġisku naraw l-għażla tal-faqar u l-imħabba għall-foqra b’mod li dawn jintrabtu flimkien.

    Il-faqar – ma jfissirx li tgħix fil-miżerja – imma li tgħix b’dik il-libertà tal-qalb, bis-sempliċità, u bla ma tkun ikkundizzjonat minn dak li għandek. Hu faqar dinjituż. Hu dan li jgħinek imbagħad biex tieqaf ma’ dawk li huma vulnerabbli, emarġinati, dawk li s-soċjetà kultant twarrab u titfagħhom ’l isfel fl-iskaluni tal-ħajja.

    Il-messaġġ li Franġisku jagħti lilna llum hu biex aħna ma norbtux qalbna mal-ġid li Alla jipprovdilna imma li nużawh tajjeb għall-ġid tagħna u tal-familja tagħna u għal dawk li huma fil-bżonn. Nużaw tajjeb il-ġid li għandna b’mod li nistgħu naqsmuh ukoll ma’ dawk li m’għandhomx.

    San Franġisk, nitolbuk: għallimna nagħmlu bħalek l-għażla tal-fqar, biex inwasslulhom il-Bxara t-tajba u l-għajnuna biex jgħixu ħajja b’dinjità.

    Flok ħares lejn il-Knisja minn barra u ġġudikaha u kkundannaha, ġeddidha minn ġewwa billi għex hu u għen lill-oħrajn madwaru jgħixu dak li Ġesù talabna fl-Evanġelju.

    “Sewwi l-Knisja tiegħi”

    Mis-salib ta’ San Damjan, Franġisku sema’ messaġġ importanti: “Mur, Franġisku, sewwi l-knisja tiegħi li, kif qed tara, qiegħda tiġġarraf”. Għall-ewwel ħaseb li Ġesù kien qed jgħidlu jibni l-ġebel tal-knisja mwaqqgħa, bħal dik ta’ San Damjan. Imma mbagħad fehem li l-messaġġ kien iktar profond. Ġesù ma riedx li Franġisku jibda xi knisja ġdida, joħloq xi ħaġa ġdida, imma ried li hu jġedded dak li kien qdiem u jġibu għas-sbuħija oriġinali tiegħu. Għalhekk li jġedded il-Knisja minn ġewwa bħala iben il-Knisja.

    Li tolqtok fi Franġisku hu li qatt ma ssib fil-kitbiet tiegħu kliem ta’ tmaqdir lejn il-Knisja, jew ta’ ġudizzju. Ma daħalx f’pika mal-Knisja, imma b’ħajtu stess wera stil ta’ ħajja skont l-Evanġelju. Dejjem baqa’ magħqud mal-Knisja, li kien iħares lejha bħala Omm. Ġeddidha minn ġewwa u taha nifs ġdid u frisk bil-ħajja radikali tiegħu, u bil-ħajja ta’ fraternità mibnija fuq l-imħabba u l-għożża. Flok ħares lejn il-Knisja minn barra u ġġudikaha u kkundannaha, ġeddidha minn ġewwa billi għex hu u għen lill-oħrajn madwaru jgħixu dak li Ġesù talabna fl-Evanġelju.

    Ejjew, għalhekk, nitolbu llum lil San Franġisk biex jidħol għalina u jgħinna nkunu strumenti tal-paċi, nies li bħalu ngħożżu l-ħolqien, li nagħżlu l-ħajja tas-sempliċità u ngħinu lill-fqar, u wkoll li nkunu strumenti ta’ tiġdid fi ħdan il-Knisja. U nagħmlu dan billi ngħixu l-Evanġelju b’fedeltà sħiħa, u l-imħabba li biha Alla jimliena nkunu nistgħu ngħadduha lill-oħrajn.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju