L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-profeta Ġona hu dak li Ġesù jsemmi fil-bidu u fl-aħħar tal-Evanġelju tal-lum, u speċjalment jenfasizza s-“sinjal ta’ Ġona”. Dan għaliex kien qed jitkellem ma’ nies li riedu sinjal mingħandu. Issa hu kien diġà għamel ħafna sinjali, bil-mirakli li għamel. Imma dawn riedu sinjal spettakolari, xi ħaġa li tgħaġġeb lil kulħadd. U Ġesù jgħidilhom: ebda sinjal ma jingħata lil dan in-nisel ħlief is-sinjal ta’ Ġona.
Min kien Ġona? Kien profeta tat-Testment il-Qadim, li l-Lhud kienu jafu bih, u l-uniku profeta li fil-bidu rrifjuta l-missjoni li Alla ried minnu. Alla riedu jmur għand in-nies ta’ Ninwè, u Ġona rrifjuta, anzi telaq ’il bogħod minn Ninwe biex jaħrab minn hemm. U nafu l-istorja ta’ kif dan spiċċa fuq ġifen u qamet maltempata, u mbagħad ikkonkludew li aħjar jitfgħu lilu fil-baħar biex il-baħar jiġi kalm, u spiċċa f’żaqq ta’ ħuta kbira għal tlett ijiem, sakemm imbagħad Alla salvah. Meta reġa’ għamillu l-istedina, hu aċċetta li jmur għand in-nies ta’ Ninwè, u bis-saħħa tal-predikazzjoni tiegħu, nidmu u daru lejn Alla.
X’kien is-sinjal ta’ Ġona? Ġesù jsemmi lil Ġona f’post ieħor fl-Evanġelju biex jurihom li s-sinjal qawwi li kien se jagħti kien proprju l-mewt u l-qawmien tiegħu. Bħalma Ġona għamel tlett ijiem fiż-żaqq tal-ħuta, hekk Ġesù kellu jmut u, wara tlett ijiem, iqum għal ħajja ġdida, jirxoxta. U bħalma Ġona kien għan-nies ta’ Ninwè sinjal li għenhom biex iduru lejn Alla u jikkonvertu, hekk it-tħabbira tal-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesù kellha tkun dik li twassal għall-maħfra tad-dnubiet, għar-rikonċiljazzjoni tal-poplu ma’ Alla.
Meta s-soċjetà, bl-għażliet tagħha, timxi ma’ dak li wriena Ġesù, hi s-soċjetà kollha li tgawdi; imma meta tarmi dak li qalilna Ġesù u għallimna hu, ibati kulħadd, tbati s-soċjetà kollha.
Fehmuh in-nies? Ma tantx jidher li fehmuh. Żgur li ħafna minnhom ma aċċettawhx. Għalhekk Ġesù jgħid: “hawn min hu aqwa minn Ġona”, “hawn min hu aqwa minn Salaman”. Jekk Ġona xandar il-Kelma ta’ Alla, Ġesù kien il-Kelma ta’ Alla li saret bniedem. U jekk Salamun kien bniedem għaref u, kif isemmi fl-Evanġelju, kienu jiġu mill-bogħod biex jisimgħu l-għerf tiegħu, Ġesù kien il-milja tal-għerf. Imma ħafna min-nies ma aċċettawhx, irrifjutawh. Għalhekk Ġesù jsejħilhom “nisel ħażin”, għax setgħu jaraw u ma aċċettawx.
X’inhu l-messaġġ li jagħti lilna llum? Ġesù jistedinna biex nagħrfuh bħala l-Kelma ta’ Alla li saret bniedem, bħala l-milja tal-għerf, u bħala dak li għeleb il-mewt, irxoxta għal ħajja ġdida, u bis-saħħa tal-mewt u l-qawmien tiegħu lilna tana ħajja ġdida. Għalhekk Ġesù jistedinna. Hi stedina – f’idejna jekk naċċettawx jew nirrifjutawx. Imma nnutaw xi ħaġa importanti li turina anke l-esperjenza tal-ħajja. Meta nilqgħu lil Ġesù u l-kelma tiegħu, aħna li ngawdu, aħna li mmorru aħjar; u meta nirrifjutawha, aħna li nbatu. U dak li jgħodd għalina personalment, jgħodd ukoll għas-soċjetà. Meta s-soċjetà, bl-għażliet tagħha, timxi ma’ dak li wriena Ġesù, hi s-soċjetà kollha li tgawdi; imma meta tarmi dak li qalilna Ġesù u għallimna hu, ibati kulħadd, tbati s-soċjetà kollha.
Nitolbu lill-Mulej, imdawlin minn din il-kelma tiegħu, li ma nkunux bħal dan in-nisel ħażin li jsemmi hu fl-Evanġelju, imma nkunu dawk li lilu nilqgħuh, nagħrfuh bħala l-Kelma ta’ Alla li saret bniedem, bħala l-milja tal-għerf, u bħala dak li bil-mewt u l-qawmien tiegħu lilna salvana u tana ħajja ġdida. U nibqgħu naċċettaw lilu, u nimxu warajh, hu li hu t-triq, il-verità u l-ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju