L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Matul din l-aħħar tal-parti tar-Randan ser nisimgħu diversi siltiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, ir-raba’ Evanġelju, li fihom Ġesù jidħol fid-djalogu mal-kapijiet, mal-Lhud. Proprjament il-kittieba tal-Liġi, il-Fariżej, dawk li b’xi mod kellhom iċ-ċavetta tat-tagħlim u kellhom ukoll il-poter, joħorġu x’inhu it-tagħlim tal-komunità. Ġesù jwissihom li għalkemm jafdaw fl-awtorità li Alla ta’ lil Mosé, huma jridu joqgħodu attenti mill-idolatrija, li minflok ifittxu lil Alla vera, ifittxu l-glorja tagħhom infushom. Jew inkella jagħtu glorja lil xulxin. F’ħin minnhom Ġesù jgħid kelma qawwija ħafna: “M’għandkomx lil Alla, f’qalbkom”(ara Ġw 5:42). Kemm hi iebsa din il-kelma. Aħna wkoll qabel nibdew ingaraw il-ġebel lil xulxin tajjeb li nistaqsu lilna nnfusna: imma jien għandi lil Alla f’qalbi? Jew infittex li forsi niddisprezza lil xi ħadd, jew inwaħħallu xi tikketta biex mingħalija nidher aħjar? Xi glorja qegħdin infittxu, dik li jagħti lil Alla, lill-kuxjenza retta ta’ dak li jkun, jew inkella l-glorja fiergħa ta’ din id-dinja? Ġesù jinsisti li huma li qed jaqraw l-Iskrittura, li jifhmu fuq il-Kelma ta’ Alla, mhumiex qed jifhmuha sew għaliex quddiem Iben il-Missier qed jagħlqu l-qalb tagħhom.

Veru ferħu bi Ġwanni, imma Ġesù jammetti li għal ftit żmien. Ġwanni kien “musbieħ jixgħel u jiddi,” u huma ferħu bid-dawl tiegħu. Meta ġie dak li indika Ġwanni, Ġwanni stess iħares lejn Ġesù u jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1:29). Meta l-Lhud, il-kapijiet, jibagħtu l-ambaxxati tagħhom għand Ġwanni “u jistaqsuh, ‘Int min int?’ hu stqar bla ma ċaħad: ‘Jien miniex il-Messija’” (Ġw 1:19-20). “Jien leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (Ġw 1:23). “Jien il-ħabib tal-għarus, li jkun ħdejh u jisimgħu, jifraħ ħafna meta jisma’ leħen l-għarus. U dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet” (Ġw 3:29). Anzi jgħid ukoll: “Jeħtieġ jikber hu u niċkien jiena.” (Ġw 3:30). B’xi mod Ġwanni huwa dak li suppost il-poplu jkun imħejji sew. Filfatt, huwa mibgħut biex jipprepara sew lill-poplu sabiex jilqa’ l-Messija. Imma l-poplu jwebbes qalbu — bħalma għamel ukoll fit-Testament l-Antik — ifittex il-glorja, s-sikurezza fl-idoli. Kultant aħna stess nistgħu nsiru idolu tagħna nfusna.

Xtaqt nagħmel nota fuq minn hu San Ċirillu ta’ Ġerusalemm. Ma tantx hu qaddis li nsemmuh ħafna. Huwa duttur tal-Knisja. Il-Papa Ljun XIII iddikjarah duttur tal-Knisja. Huwa frott tiegħu li fit-talb li ngħidu b’mod speċjali f’kull quddiesa, aħna ngħidu: “B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla, u li miegħek jgħix”. Dik il-kelma “li hu Alla”, hija t-tifkira tat-tagħlim li għalih soffra ħafna Ċirillu ta’ Ġerusalemm. Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, “Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru”. Il-Knisja tfakkar dan it-tagħlim tal-Konċilju ta’ Niċea, u l-Konċilju ta’ Kalċidonja, li warajh kien hemm dan is-saċerdot, dan l-isqof kbir, Ċirillu ta’ Ġerusalemm. F’kull talba tfakkarna, Ġesù Kristu li huwa Alla. Dik il-kelma ‘li hu Alla’, mhijiex referenza għat-Trinità Qaddisa imma hija proprju għad-Divinità ta’ Ġesù l-Iben ta’ Alla. Ta’ dan, ta’ din il-fidi, nixtiequ nirringrazzjawh ħafna llum, anke fid-dawl tal-Evanġelju li smajna. “Jien nara l-Missier, kif jagħmel il-Missier nagħmel jien” (ara Ġw 5:19). Din hi l-glorja ta’ Ġesù: ir-rabta totali tiegħu mal-Missier. “Alla minn Alla, dawl minn dawl,” ta’ din il-fidi, nirringrazjaw lil dan l-isqof, Ċirillu ta’ Ġerusalemm, li sofra ħafna imma li għandu l-glorja tar-ragħaj fidil u għaqli.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżodu 32:7-14
Salm: 105 (106), 19-20.21-22.23
Evanġelju: Ġw 5:31-47