• Għada, is-Sibt 9 ta’ Mejju 2015, fil-11.30 a.m., l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser iżur iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Pjazza San Luqa, Gwardamanġa. L-Arċisqof ser jiltaqa’ mad-diriġenti u l-istaff tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, kif ukoll ma’ persuni li ser ikunu qegħdin jagħtu d-demm, fosthom saċerdoti u reliġjużi. Waqt din iż-żjara l-Arċisqof ser iżur ukoll il-laboratorji l-ġodda tal-ipproċessar tad-demm.

      Bejn għada u l-Ħadd, il-Lifecycle, it-Transplant Support Group u s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jorganizzaw attività bil-għan li jiġbru l-flus b’risq il-pazjenti morda bil-kliewi, biex iktar nies jirreġistraw u jkunu donaturi tal-organi wara mewthom, u biex fl-istess waqt iħeġġu aktar nies jagħtu d-demm. Dan speċjalment meta bħalissa r-riserva hi verament baxxa b’effett tad-domanda qawwija għat-trasfużjonijiet tad-demm.