-
-
Illejla, waqt il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra s‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lil seba’ katekumeni, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l‑ħajja Nisranija. Waqt dan il‑Vġili wkoll, żagħżugħ Ġermaniż ser jiġi kkonfermat fil‑fidi Kattolika permezz tas‑Sagrament tal‑Ġriżma tal‑Isqof.
It-tmien żgħażagħ u adulti li b’dawn is‑sagramenti ser isiru wlied Alla u membri ġodda tal‑Knisja Kattolika kważi kollha huma żgħażagħ taħt it‑tletin sena minn sitt pajjiżi differenti: minn Malta, mill‑Indja, mill‑Italja, mir‑Repubblika Ċeka, minn Kuba u mit‑Turkija.
Matul ir‑Randan, dawn il‑persuni ltaqgħu mal‑Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il‑mument importanti f’ħajjithom. Wieħed minn dawn iż‑żgħażagħ li għandu 27 sena fisser kif minn tfulitu dejjem fittex il‑verità u dejjem staqsa dwar l‑eżistenza ta’ Alla. Wara li għadda minn diversi sitwazzjonijiet diffiċċli u ta’ tbatija tul ħajtu, sab tweġiba f’’mumenti li fihom kien jitlob lil Alla b’ħerqa kbira biex ikun dawl għalih fid‑diffikultajiet tiegħu. Huwa fisser iċ‑ċelebrazzjoni tal‑lejla, li matulha ser jilqa’ lil Ġesù Kristu u jsir Nisrani, bħala bidu ta’ ħajja ġdida.
Iċ‑ċelebrazzjoni tal-Vġili tal‑Għid li tibda fit-8pm tinkludi: it‑tberik tan‑nar li jsir fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral u jkompli bit‑tħabbira tal‑Għid; il‑qari ta’ siltiet mill‑Kotba Mqaddsa u l‑kant tal‑Glorja; it‑tberik tal‑ilma, meta l‑blandun mixgħul minn nar imbierek fuq iz‑zuntier jiddaħħal fl‑ilma; u l‑liturġija tal‑Ewkaristija.
Bl‑ilma mbierek jitgħammdu l‑katekumeni li jirċievu wkoll il‑Griżma tal‑Isqof biż‑żejt tal‑Griżma li ġie ikkonsagrat nhar Ħamis ix‑Xirka filgħodu. Waqt l‑istess Vġili, l‑imgħammdin ġodda jirċievu t‑Tqarbin. Fil‑Knisja Kattolika dawn is‑sagramenti huma l‑pedamenti li fuqhom tinbena l‑ħajja tal‑membri tagħha u li jħejju t‑triq għas‑sagramenti l‑oħra.
-
Photo: Curia – Easter Vigil 2017