Ikollu wkoll żewġ pendenti, twal xi tletin ċentimetru, wieħed fuq quddiem u l-ieħor fuq wara. Dawn iż-żewġ pendenti jżommu stirati ‘l isfel b’biċċtejn pjanċi taċ-ċomb li jkunu miksijin b’ħarir iswed. Fuq il-pallium hemm irrakkmati sitt slaleb suwed – wieħed quddiem, ieħor fuq wara, wieħed fuq in-naħa tal-ispalla tal-lemin u ieħor fuq tax-xellug, u salib fuq kull pendent. Is-salib ta’ quddiem, ta’ wara u tal-ispalla tax-xellug ikollhom żewġ ħoloq mill-istess ħajt, biex iżommu tliet labriet li jissejħu spinulae.
Fil-bidu ta’ din is-sena, ir-rit tal-għoti tal-pallium inbidel u skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku ser jibda jitlibbes pubblikament lill-Arċisqof fid-Djoċesi tiegħu. Il-bidliet saru bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Knisja tal-post f’ċerimonja importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja lokali, u li turi l-importanza tal-komunjoni bejn is-Suċċessur ta’ Pietru u l-Isqfijiet.
Il-Knisja f’Malta ser torganizza Quddiesa Pontifikali li matulha n-Nunzju Appostoliku l-ġdid, l-E.T. Mons. Mario Roberto Cassari, ilibbes il-pallium lill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Id-dettalji dwar din il-quddiesa ser jitħabbru aktar ‘l quddiem.