• Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    6 ta’ Jannar 2018

    “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej” (Is 60, 1). Dan il-kliem ta’ faraġ minn kapitlu 60 tal-Ktieb tal-Profeta Isaija, jitħabbar ta’ kull sena fil-festa solenni tal-Epifanija tal-Mulej. Tħabbar ukoll fl-Epifanija tal-1982, meta San Ġwanni Pawlu II ordna lill-Isqof Francis Adeodato bħala Isqof.

    Bħal-lum, fil-Bażilika ta’ San Pietru, Mons. Micallef inxteħet prostrat fl-art biex jerġa’ jagħti ħajtu f’avventura ġdida: dik li jkun suċċessur tal-Appostli. Dakinhar, il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-omelija li kien għamel, sellem lil dan l-iben Malta. Miegħu kien hemm Isqfijiet ġodda miċ-Ċad, mil-Litwanja, mir-Rumanija, mill-Ghana, mill-Istati Uniti tal-Amerka, mill-Brażil, mill-Art Imqaddsa. Magħhom kien hemm ukoll ħuna Malti, Francis Adeodato Micallef tal-Ordni tat-Tereżjan.

    Kull bniedem li kien jiltaqa’ miegħu, bil-ġesti umli tiegħu, bil-modestja tiegħu, bl-għerf tiegħu, fl-Isqof Adeodato kien jilmah ix-xbieha qaddisa u sabiha tal-Mulej, u hu, l-Isqof Adeodato, kien jilmah lill-Mulej f’min jiltaqa’.

    Kif qalilhom il-Papa tant snin ilu, huma kienu qed jirrapreżentaw il-Knisja universali. Dakinhar, il-Papa insista li l-ewwel mod kif aħna nilmħu l-kobor u l-ġmiel tal-Mulej huwa billi nimmeditaw il-bniedem u d-dinja ta’ madwarna. U Francis Adeodato ta’ xhieda ta’ din l-Epifanija.  

    Kull bniedem li kien jiltaqa’ miegħu, bil-ġesti umli tiegħu, bil-modestja tiegħu, bl-għerf tiegħu, fl-Isqof Adeodato kien jilmah ix-xbieha qaddisa u sabiha tal-Mulej, u hu, l-Isqof Adeodato, kien jilmah lill-Mulej f’min jiltaqa’. Jibqa’ magħruf anke fil-Kuwajt, fejn għadda ħafna snin bħala Vigarju Appostoliku, ragħaj tal-merħla Kattolika minoritarja u ċkejkna f’dak il-pajjiż. Jibqa’ magħruf għall-ġesti ta’ umiltà kbira, għall-mod uman kif kien jitratta lil kulħadd, u aħna wkoll – kulħadd b’diversi snin ta’ esperjenza, fosthom il-familjari tiegħu li jafuh minn dejjem – xhieda ta’ dan.

    Illum allura rridu nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ ħajja li kienet iddedikata lill-Mulej taħt it-titlu tal-Verġni tal-Karmelu, imma kienet ukoll iddedikata lill-bnedmin b’ġenerożità kbira. Jibqa’ mfakkar, mhux biss is-sagrifiċċju, imma tibqa’ mfakkra l-ġenerożità tal-Isqof Micallef meta ddeċieda li jibqa’ mal-poplu tiegħu f’mumenti ta’ periklu kbir. U baqa’ ragħaj, ma ħarabx, imma baqa’ bħala ragħaj mal-merħla tiegħu. Il-Mulej ikun il-ħlas tiegħu ta’ din ix-xhieda tar-ragħaj li jagħti ħajtu.

    “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal!” Dan id-dawl mhuwiex biss id-dawl tal-Epifanija, imma d-dawl tal-irxoxt tal-Mulej li fil-misteru bir tal-mewt, jgħannaqna miegħu u waqt li jiġġudikana jħenn għalina; waqt li jilqagħna għandu jsaffina.

    Jalla t-tifkira tal-Isqof Micallef, fis-sempliċità tiegħu u fid-dedikazzjoni tiegħu, tkun kewkba tiddi mhux biss fil-memorja tal-Knisja fil-Kuwajt, imma fil-memorja tal-Knisja Universali

    “L-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa,  ilkoll minn Seba jiġu mgħobbija bid-deheb u l-inċens u jxandru t-tifħir tal-Mulej” (v. 6). Dakinhar tal-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu, l-Isqof Micallef irċieva din il-konsenja minn San Ġwanni Pawlu II, dik li hu jkun ukoll rigal għall-poplu tiegħu. Il-Papa qaddis fakkar lill-Isqfijiet ġodda li kienu qed jirċievu don kbir biex isiru don bi gratitudni. U aħna nilqgħu lill-Mulej fil-ħajja tagħna għax huwa l-ikbar don li jista’ jagħtina l-Missier, hu li ta’ ħajtu għalina jagħtina l-qawwa “nagħtu ħajjitna lill-ħutna” (1Ġw 3, 16).

    Jalla t-tifkira tal-Isqof Micallef, fis-sempliċità tiegħu u fid-dedikazzjoni tiegħu, tkun kewkba tiddi mhux biss fil-memorja tal-Knisja fil-Kuwajt, imma fil-memorja tal-Knisja Universali, fil-memorja mhux biss tal-familja naturali tiegħu li aħna nsellmulha, imma anke tal-familja reliġjuża li fiha daħal fl-1947. Immaġinaw, 70 sena ta’ ħajja reliġjuża, 70 sena ta’ dedikazzjoni għal dan l-ideal għoli ta’ penitenza, ta’ talb u ta’ kontemplazzjoni.

    Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem.

    ✠ Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja (Ian Noel Pace)