L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Iżjed ma noqorbu lejn tmiem is-sena liturġika, li tispiċċa propju lejleet l-ewwel Ħadd tal-Avvent, iżjed nibdew nisimgħu u naqraw evanġelji li jitkellmu dwar it-tmien tal-ħajja ta’ Ġesù imma anke dwar it-tmiem tad-dinja kif nafuha aħna.
L-Evanġelju tal-lum jibda bi twissija li jirċievi Ġesù, kważi theddida wkoll. “Erodi irid joqtlok” (Lq 13:31). Ġesù jgħaddi kumpliment rari għax aħna nafu li Ġesù huwa ta’ qalb ħelwa u umli, imma lil Erodi jsejjaħlu volpi: “Morru għidulu lil dak il-volpi” (Lq 13:32). Ġesù juża din il-kelma iebsa għaliex jifhem li Erodi jixtieq jgħalaqlu ħalqu. Din l-istorja antika u dejjem tibqa’ magħna. Il-vuċi ta’ Ġesù kienet vuċi skomda għal min il-poter ried jiggranfa miegħu bil-vjolenza, bl-arroganza u bir-regħba.
Ġesù jgħidlu: ‘Jiena għad baqagħli x’nagħmel u se nkompli nagħmlu (ara Lq 13:33). Imbagħad jiġi l-mument meta tneħħuni’. Hemmhekk il-Mulej jirreferi wkoll għall-mument fejn mhux Erodi joqtlu imma l-poplu Lhudi stess, imxewwex mill-kapijiet tiegħu, u jitlob li l-Mulej jiġi msallab: “Sallbu, sallbu” (Lq 23:21).
Erodi jiltaqa’ ma’ Ġesù, kif nafu, għaliex Pilatu jibagħtu għand Erodi u Erodi jixtieq li Ġesù jagħmel miraklu għad-divertiment u Ġesù ma jitkellimx, ma jiftaħx ħalqu quddiem Erodi, quddiem dan il-volpi. Għalkemm iddefenda d-dritt tiegħu li jitkellem, meta jiltaqa’ ma’ Erodi Ġesù’ jibqa’ sieket u Erodi jinfiska, jibagħtu lura mlibbes ta’ wieħed miġnun.
Imma Ġesù jinfexx fi tnehida għall-poplu għażiż tiegħu u għalkemm juża l-kelma ‘volpi’ għal Erodi, għalih innifsu juża tixbieha oħra li ħafna drabi ma tantx insemmuha. Ixebbah lilu nnifsu mal-qroqqa. “Kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha” (Lq 13:34). Hija xena u tixbieha sabiħa ta’ protezzjoni. Il-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha biex tipproteġihom. Imma l-poplu ma riedx, “Imma inti ma ridtx!” (Lq 13:34). Kemm hija tixbieha sabiħa imma fl-istess ħin ir-rifjut tagħha huwa ta’ qsim il-qalb.
Aħna fejn qegħdin? Aħna mal-volpi jew mal-qroqqa? Jiena nifhem li jekk il-volpi jara qroqqa, il-qroqqa ma tibqax ħajja. Imma aħna ma’ min qegħdin? Mal-volpi, ma’ Erodi jew mal-qroqqa, ma’ Ġesù?
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Efes 6, 10-20
Salm: 143 (144), 1.2.9-10
Evanġelju: Lq 13, 31-35