• Kappillan ġdid għall-Parroċċa tal-Kalkara

    • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Brian Gianlanzè bħala kappillan tal‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara.

      Dun Brian Gianlanzè twieled fit‑30 ta’ Jannar 1974. Huwa rċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola primarja ta’ Birżebbuġa, l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Liceo Vassalli, Tal‑Ħandaq, u kompla jistudja fil‑Pre‑Vocational School Health Care u fl‑Istitut għall‑Kura tas‑Saħħa. Kompla bl‑edukazzjoni terzjarja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta, fejn studja wkoll it‑Teoloġija Pastorali.

      Dun Brian ġie ordnat saċerdot fl‑1 ta’ Lulju 2014. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala djaknu fil‑Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, fejn serva għal sena. Fl‑2015 beda jservi bħala viċi‑kappillan fil‑Parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi. Dun Brian iservi wkoll bħala chaplain fil‑Kulleġġ San Injazju, Tal‑Ħandaq.

      Il‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara, tiġbor fiha madwar 3,010 persuna f’1,000 familja.

  • Kappillan ġdid għall-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun John Muscat bħala kappillan tal‑Parroċċa tal‑Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid.  

    Dun John Muscat ġie ordnat saċerdot fis-sena 2000. L-ewwel esperjenza pastorali tiegħu kienet fil-Parroċċa ta’ Ħal Lija, fejn serva għal erba’ snin. Hu kompla bil-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Ġebla, il-Gżira.

    Fl-2014 beda jservi fil-Parroċċa ta’ Ħal Safi u fir-Residenza għall-anzjani San Vincenz de Paule.

    Il‑Parroċċa tal‑Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid, tiġbor fiha madwar 2,300 persuna f’720 familja.