• Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Marsaxlokk

      L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lill-Kan. Dun Luke Seguna bħala kappillan tal‑Parroċċa tal-Madonna ta’ Pompei, Marsaxlokk.

      Dun Luke Seguna twieled fit‑13 ta’ Awwissu 1983. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja fl‑iskola tas‑Sorijiet tal‑Karità u fil‑Kulleġġ De La Salle fejn irċieva wkoll l‑edukazzjoni sekondarja. Kompla bl‑edukazzjoni terzjarja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta, fejn studja wkoll it‑Teoloġija Pastorali.

      Dun Luke ġie ordnat saċerdot fit‑3 ta’ Lulju 2009. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala djaknu fil‑Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż‑Żurrieq, u wara bħala viċi‑kappillan fil‑Parroċċa tal‑Madonna tal‑Grazzja, Ħaż‑Żabbar. Fl‑2012 beda jservi bħala viċi‑kappillan fil‑Parroċċa ta’ San Pawl, ir‑Rabat, kif ukoll bħala rettur taż‑żona pastorali tan‑Nigret.

      Il‑Parroċċa ta’ Marsaxlokk tiġbor fiha madwar 4,200 persuna f’1,100 familja.

    • Arċipriet ġdid għall-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi

      L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Mario Mangion bħala arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi.

      Dun Mario Mangion twieled fit-18 ta’ Mejju, 1981. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja fil-Kulleġġ Santu Wistin, u kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta.

      Dun Mario ġie ordnat saċerdot fl-1 ta’ Lulju 2007. L-ewwel esperjenza pastorali tiegħu kienet fil-Parroċċa taż-Żejtun, fejn serva bħala viċi-arċipriet għal tliet snin. Fl-2010 huwa nħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk fejn serva għal dawn l-aħħar sitt snin.

      Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi, tiġbor fiha madwar 10,000 persuna f’2,870 familja.

    • Arċipriet ġdid għall-Parroċċa ta’ Bormla

      L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lill-Kan. Dun Anton Cassar bħala arċipriet tal‑Parroċċa tal‑Immakulata Kunċizzjoni, Bormla.

      Dun Anton Cassar twieled fid‑29 ta’ Jannar 1961. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja fl‑iskola tas‑Sorijiet Franġiskani, Bormla, u l‑edukazzjoni sekondarja fis‑Seminarju tal‑Arċisqof. Kompla l‑istudji terzjarji fil‑Fakultà tat‑Tejoloġija (fil‑Filosofija u t‑Teoloġija), ir‑Rabat, u kiseb liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali mill‑Università ta’ Malta.

      Dun Anton ġie ordnat saċerdot fit‑8 ta’ Lulju 1988. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala viċi‑arċipriet fil‑Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż‑Żejtun. Fl‑1995 inħatar kappillan fil‑Parroċċa ta’ Sant’ Anna, Wied il‑Għajn, u fl‑2005 inħatar arċipriet tal‑parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi.

      Il‑parroċċa tal‑Immakulata Kunċizzjoni, Bormla, tiġbor fiha madwar 5,657 persuna f’1,600 familja.