L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Hemm żewġ kelmiet li Ġesù juża llum fl-Evanġelju biex jitkellem fuq l-Ispirtu s-Santu li hu kellu jibgħat fuq id-dixxipli wara li jqum mill-mewt. Ġesù jgħid: Nibgħatilkom “Id-Difensur” u “L-Ispirtu tal-Verità”. Dawn it-tnejn ifissru tajjeb ħafna min hu Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-appostli u fil-ħajja tagħna wkoll.

Ġesù jgħid: Nibgħatilkom id-Difensur. Ifisser xi ħadd li qiegħed magħkom, li jakkumpanjakom, li jappoġġjakom, jinkoraġġikom imma wkoll jipproteġikom. Dak hu l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-appostli. Fil-fatt Ġesù jgħidilhom minn xiex kellhom jgħaddu: “Ikeċċukom ’il barra mis-sinagogi … min joqtolkom jaħseb li jkun qed jagħti qima lil Alla.” Imma qed jgħidilhom: f’dan kollu, meta tgħaddu minn din it-tbatija, ftakru li għandkom din l-għajnuna kbira tal-Ispirtu s-Santu d-Difensur. 

Ġesù hu l-verità fil-milja tagħha.

Isejjaħlu wkoll l-Ispirtu tal-Verità. Mhuwiex difensur li biex jgħattilek, jgħid dak li mhux veru jew li jmexxik fi triq mhix tajba, imma hu l-Ispirtu tal-Verità li jmexxi lill-appostli fit-triq it-tajba. Nafu kemm il-verità hi importanti fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Niftakru f’dak id-djalogu ma’ Pilatu. Meta Ġesù kien quddiem Pilatu, jgħidlu: “Jien għalhekk twelidt u għalhekk ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.” Dakinhar lil Pilatu laqtitu din il-kelma u qallu: “U l-verità x’inhi?” Imma mbagħad ħareġ, ma kellux ċans jisma’ lil Ġesù jfissirlu x’inhi l-verità, jew min hi l-verità – ghax kienet quddiemu l-verità – u spiċċa biex sallab il-verità. 

Ġesù hu l-verità fil-milja tagħha. Għalhekk lill-appostli dejjem kellimhom ċar u qalilhom il-verità. La pprova jattirahom lejh bi kliem li, fl-aħħar mill-aħħar, mhux veru – biex speċi jiġbidhom lejh. U lanqas ma pprova jbeżżagħhom bi kliem li mhuwiex veru. Imma dejjem qalilhom il-verità. Għalhekk meta Ġesù semma li l-Ispirtu s-Santu hu d-Difensur u l-Ispirtu tal-Verità, ried jgħid li hu għajnuna kbira fil-qalb u fil-moħħ tal-appostli. 

Fl-Evanġelju, Ġesù jgħid ukoll lill-appostli: intom ukoll xhieda. Din jgħidha lilna, għax aħna wkoll irċevejna l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna. Irċevejna l-Ispirtu s-Santu li jgħinna, jappoġġjana, jakkumpanjana, jipproteġina, u jmexxina fit-triq tal-verità. Jagħtina l-grazzja li aħna wkoll inkunu xhieda. Is-sejħa li jagħmel Ġesù lilna hi biex bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu aħna wkoll inkunu xhieda tiegħu; xhieda li bi kliemna u b’għemilna nwasslu l-verità. Din importanti għalina bħala xhieda. Ix-xhieda hi kemm fil-kelma li ngħidu, u wkoll u wisq iktar fl-għemil li nagħmlu. Jekk dawn it-tnejn jaqblu u jkunu veri – jiġifieri mhux ngħidu xi ħaġa u nagħmlu differenti – jekk dawn it-tnejn ikunu veri, nistgħu tassew nagħtu xhieda ta’ Ġesù u nkunu qed nikkollaboraw fil-ħidma tal-Ispirtu ta’ Alla fid-dinja.

Nitolbuh din il-grazzja biex aħna wkoll f’ħajjitna jkollna u nħossu din il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu u jkun għalina wkoll id-Difensur u l-Ispirtu tal-Verità.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju