L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Sejjer nistad”. Hekk qal Xmun Pietru lil sħabu – kienu sitta oħra mid-dixxipli ta’ Ġesù – u dawn qalulu: niġu miegħek. Meta Pietru jgħid “Sejjer nistad”, qisu qed jgħid: se mmur lura għall-ħajja ta’ qabel ma sejjaħli Ġesù, il-ħajja ta’ sajjied. Flok, kif kien qallu Ġesù, li jagħmlu “sajjied tal-bnedmin”, ikompli bil-ħajja ta’ sajjied li jaqbad il-ħut.
Kien għalihom diżappuntanti li għamlu lejl sħiħ u ma qabdu xejn; dawn kienu jifhmu fis-sajd, imma dak il-lejl ma rnexxilhomx jaqbdu ħut. Għalhekk, meta jersqu lejn ix-xatt u jaraw dan il-bniedem li jidħol f’diskursata magħhom u jgħidilhom “waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”, naħseb li għaddielhom minn moħħhom kien: dan jifhem aktar minna? Imma qisha qalbhom ħebrithom, u għamlu kif qalilhom dan. U l-Evanġelju jgħid li qabdu tant ħut – 153 ħuta kbira – li x-xibka kważi ma setgħetx tesa’ dak il-ħut kollu.
Il-kelma ta’ Ġesù hi dik li tibdel sitwazzjoni ta’ problema jew ta’ diffikultà f’opportunità. U l-kelma tiegħu hija dejjem dik li ġġib l-abbundanza, frott b’abbundanza bis-saħħa tiegħu.
Kienet din il-bidla kbira – minn xejn għal ħafna – li wriethom min kien dan il-bniedem. Wieħed mid-dixxipli qal: “Il-Mulej dan!” Raw li l-kelma tiegħu kienet kelma li tibdel din is-sitwazzjoni tagħhom, kif kellhom l-esperjenza ta’ Ġesù għal diversi drabi qabel ma miet. Huma kienu jafu xi jfisser li Ġesù jgħid kelma u s-sitwazzjoni tinbidel, u f’dal-każ kellhom din l-esperjenza wkoll. Kienu qed jgħixu dak li kienu jitolbu fis-Salm: “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja…” (Salm 127). Għalxejn ħafna sforzi, jekk il-Mulej ma jkunx hu li qiegħed hemm preżenti.
Din il-ġrajja turina b’mod sabiħ il-preżenza ta’ Ġesù ħaj u d-differenza li din tagħmel. Ġesù hu dak li l-ewwel nett juri mħabba kbira lejn id-dixxipli tiegħu li hu kien għażel, li kienu telquh – kważi kollha ħarbu – u jmur ifittixhom hu; imur ifittixhom biex ikun ta’ appoġġ hu għalihom. Bl-għajnuna tiegħu, dawn jirnexxilhom fejn waħedhom ma rnexxilhomx. Il-kelma ta’ Ġesù hi dik li tibdel sitwazzjoni ta’ problema jew ta’ diffikultà f’opportunità. U l-kelma tiegħu hija dejjem dik li ġġib l-abbundanza, frott b’abbundanza bis-saħħa tiegħu. Kif jgħid Pietru aktar ’il quddiem meta jirċievi l-Ispirtu s-Santu, kif rajnieh fl-Atti tal-Appostli: dan li qed nagħmlu mhux bil-qawwa tagħna jew għax aħna tajbin, imma bil-qawwa ta’ Ġesù Kristu.
Dan hu messaġġ sabiħ ħafna għalina: il-preżenza ta’ Ġesù u l-kelma tiegħu jagħmlu differenza kbira f’ħajjtna. Aħna kultant naħdmu ħafna, nagħmlu ħafna sforzi għal affarijiet tajbin – bħal dawk li ħarġu jistadu – imma kultant naraw li l-isforzi tagħna ma jħallux frott. Imma jekk aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fil-Mulej ħaj u fil-kelma tiegħu, hu jgħinna biex l-isforzi tagħna jħallu l-frott. Ma jfissirx li aħna ma rridux nitħabtu. Dawn id-dixxipli għamlu lejl sħiħ jitħabtu, imbagħad kellhom jerġgħu jitfgħu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u jerġgħu jitħabtu biex iġibu dawk il-ħut. Imma jkun taħbit fid-direzzjoni li tagħtina l-kelma tal-Mulej.
Nitolbuh illum – lilu li hu, kif smajna fil-kelma ta’ Alla, “il-ġebla li warrbu l-bennejja li saret il-ġebla tax-xewka” – li aħna jkollna dejjem fiduċja sħiħa fil-kelma tiegħu u fil-preżenza tiegħu f’ħajjitna, u fid-differenza li tagħmel, u li aħna l-isforzi tagħna nqegħduhom fid-direzzjoni li tagħtina l-kelma tiegħu għax huwa b’hekk li jħallu frott, u frott bl-abbundanza.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju