• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Kappella tal-Madonna tal-Abbandunati, il-Wardija

    15 ta’ Ġunju 2019

    Il-festa għażiża tal-Madonna tal-Abbandunati, meqjuma f’din il-knisja tal-Wardija, titfa’ ħarsitna qabel xejn fuq Marija. Hi tassew sabiħa din l-istatwa titulari ta’ Wistin Camilleri li saret madwar l-1919, mitt sena ilu.

    Kien f’kuntest tal-akbar abbandun, meta kien fuq is-salib, li Ġesù tana lil Marija bħala Omm. Riedha tkun ommna biex tieħu ħsiebna u tħarisna u biex aħna, meta nħossuna abbandunati fil-mixja tal-ħajja, niftakru fl-għożża tagħha ta’ omm.

    Din il-festa li qed niċċelebraw tgħinna li nagħmlu mistoqsija importanti: min huma l-abbandunati llum? U kif nistgħu nieqfu magħhom, aħna dixxipli ta’ Ġesù u wlied Marija, u nkunu għalihom ta’ appoġġ u sostenn?


    Abbandunati għax mitluqin waħedhom

    Huma abbandunati dawk il-persuni li qed jgħixu waħedhom u ħadd ma jagħti kashom, kultant qishom midfunin ħajjin. Huma abbandunati dawk li qegħdin l-isptar u ħadd ma jmur jarahom. Tiġik għafsa ta’ qalb meta tara nies li għandhom qraba jiġu minnhom imma qatt ma jmorru jarawhom.

    Il-Knisja għandha, fid-diversi komunitajiet tagħha, network ta’ nies li jżuru lil dawk li huma waħedhom, li jisimgħuhom, jagħtuhom l-għajnuna li għandhom bżonn – bħalma huma l-membri tal-Kummissjoni Djakonija fil-parroċċi tagħna. Nixtieq nuri l-apprezzament kbir għal tant nies li, immexxija mill-imħabba u l-kompassjoni ta’ Ġesù Kristu, qed jaslu għand nies li huma jew iħossuhom waħedhom, u jieqfu magħhom biex ma jħossuhomx abbandunati. Ħafna drabi jagħmlu dan fis-skiet u fil-kwiet. Inħeġġiġhom biex ikomplu jaqdu din il-missjoni b’dedikazzjoni kbira.

    Hemm min ma jgħixx waħdu imma jħossu ħafna waħdu. Kultant, biex tegħleb is-sens ta’ abbandun, persuna tkun tixtieq tiftaħ qalbha ma’ xi ħadd. Tfittex lil min jismagħha u min juriha li hi tiswa.

    Nitolbu lill-Marija tal-abbandunati biex twassal il-vuċi u l-karba ta’ min qed ibati minn solitudni, u tispira nies b’qalb kbira li jgħinuhom fit-tbatija tagħhom.


    Abbandunati għax ta’ kulur jew razza differenti

    Huma abbandunati dawk il-persuni li minħabba l-kulur jew razza tagħhom jitwarrbu fil-ġenb u jsiru qishom nies tat-tieni klassi, jew ta’ ebda klassi. Ċerti kummenti li wieħed jara fuq is-social media kontra persuni minħabba l-kulur jew ir-razza tagħhom huma kummenti li jagħmlu għajb lil min jiktibhom.

    Aħna nemmnu li l-bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla u d-dinjità li għandha kull persuna ġejja mill-fatt li hi bniedem. Għall-Knisja, ma tagħmilx differenza jekk persuna hijiex bjonda jew skura, jew hijiex ġejja mill-Ewropa jew mill-Afrika jew minn xi kontinent ieħor. Infakkar f’dak li kien qal is-Sinodu djoċesan tal-Knisja f’Malta fid-dokument Djakonija u Ġustizzja, ta’ sittax-il sena ilu, meta ftit kienu jitkellmu fuq dan: “Ir-razziżmu huwa struttura ta’ dnub li jikkontradixxi l-ħolqien tagħna lkoll indaqs fix-xbieha tal-Ħallieq…Xi drabi dan iwassal għal abbuż verbali, pressjoni psikoloġika, u traġikament każijiet ukoll ta’ theddid u vjolenza fiżika.”

    Nitolbu lill-Marija tal-abbandunati biex tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għal tant Insara ta’ veru li fi żmienna qed jaħdmu b’kuraġġ kontra l-emarġinazzjoni u l-abbandun ta’ min hu differenti.


    Abbandunati għax imnissla b’xi difett

    Nixtieq li naħsbu wkoll f’tip ġdid ta’ abbandun li qed jiġi propost minn xi wħud illum fis-soċjetà Maltija. Hi l-proposta ta’ preimplantation genetic diagnosis (PGD) li tfisser li jkunu eżaminati l-ħajjiet umani ġodda fil-bidu nett meta għadhom imnissla u, jekk jinstab li dawn għandhom xi difetti jew nuqqasijiet, jew ma jissoddisfawx ċerti kriterji, jiġu abbandunati.

    Din hi proposta ta’ wħud li, ironikament, meta daħlu għall-professjoni, kienu kkommettew ruħhom li jiddefendu l-ħajja umana. Kif tista’ tgħid li int favur il-ħajja imma fl-istess waqt tarmi, daqslikieku skart, il-ħajja umana li għadha kemm tnisslet – u għalhekk meta hi l-aktar vulnerabbli – għax ma tissoddisfax il-kriterji tiegħek? 

    Nitolbu lill-Marija Omm biex tgħinna ħalli ngħożżu l-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.

    Nitolbuha wkoll biex ikollna qalb miftuħa għal dawk il-persuni li waqt li qed iġorru ħajja ġdida ġieli jħossuhom abbandunati minħabba ċ-ċirkustanzi diffiċli ta’ ħajjithom. Nitolbu li jsibu lil min jismagħhom, jifhimhom, jgħinhom, jagħtihom l-appoġġ li jkollhom bżonn ħalli tirbaħ dejjem l-għożża tal-ħajja.

    Dawn li semmejt huma eżempji ta’ abbandun. Hemm diversi oħrajn. F’din il-festa, nagħmlu t-talba lill-Marija tal-abbandunati biex ikollna qalb kbira bħal tagħha u bħalha, l-abbandunati jkun dejjem f’qalbna.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju