Il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex inġabru fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu għal quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem is-sena skolastika 2019/2020.

Il-quddiesa, li tmexxiet mill-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mons. Mario Grech, attendew għaliha aktar minn 50 kap kif ukoll il-ħaddiema tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija.

Fl-omelija tiegħu, Mons. Grech saħaq li l-iskejjel huma waħda mid-diversi uċuh li l-Knisja għandha fid-dinja. “Huma arterji vitali tal-Knisja ta’ Kristu u dawk kollha li jirfsu fuq l-għatba tal-iskejjel tagħna jafu li qed imiddu riġlejhom fil-Knisja”.

Appellalhom biex bħala skejjel tal-Knisja jibdew iħaddnu t-tagħlim li hemm fl-eżortazzjoni appostolika tal-Papa Frnaġisku Christus vivit u fid-dokument finali tas-Sinodu taż-Żgħażagħ. Saħaq li dawn iż-żewġ dokumenti joffru ta’ road map ta’ kif għandha ssir il-pastorali fl-iskejjel. “Jekk tfallu intom bħala skola-knisja, tfalli l-Knisja f’pajjiżna; imma jekk min-naħa l-oħra, misjuqa mill-kompassjoni lejn il-ġenerazzjoni li tielgħa, intom tagħrfu tkomplu toffru formazzjoni mnebbħa mill-ewwel edukatur tagħna, Ġesù Kristu, intom tkunu qed tqiegħdu l-pedament tal-Knisja u tas-soċjetà f’pajjiżna,” temm jgħid l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex.

Fi tmiem il-quddiesa sar ukoll mument qasir ta’ talb quddiem l-inkwatru tal-Madonna ta’ Pinu. Fr Charles Mallia, id-Delegat tal-Arċisqof għall‑Edukazzjoni Nisranija, irringrazzja lil Mons. Mario Grech tal-ħidma pastorali tiegħu f’Għawdex u tal-għajnuna li ta lill-iskejjel tul dawn l-aħħar snin.

Ritratti: Anthony Grech