Ix-xewqa li wrew id-dixxipli ta’ Ġesù meta qalulu “Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11:1) hi x-xewqa li għandu jkollna aħna lkoll bħala dixxipli ta’ Ġesù. Dan għax kontinwament f’ħajjitna hemm bżonn li nitgħallmu nitolbu.

Talb biex nipperswaduh

Kultant, fil-fatt, meta nitolbu, ikollna f’moħħna u f’qalbna xi ħaġa ftit differenti minn dak li Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu. Kultant it-talb tagħna jkun li aħna nafu diġà x’inhu l-aħjar, u mmorru quddiem il-Mulej biex nipperswaduh jaqbel magħna, biex hu jagħtina dak li nafu li għandna bżonn. Kultant it-talb tagħna jkun qisu li mmorru quddiem il-Mulej biex jagħmel it-timbru tal-approvazzjoni tiegħu għal dak diġà nafu li għandna bżonn.

Imma Ġesù, meta wieġeb lid-dixxipli tiegħu fuq kif jitolbu, qal xi ħaġa ftit differenti. Qal it-talba sabiħa tal-Missierna (Lq 11:2-4), li mhix biss talba fiha nfisha, imma hi l-istil ta’ kull talb li nagħmlu.

Talb li hu djalogu ma’ Missierna li jħobbna

L-ewwel nett, Ġesù jurina minn fejn għandna nibdew. Nibdew mill-kelma “Missier”. Alla hu Missierna. Hu b’din il-fiduċja li nersqu lejn Alla fit-talb. Alla hu Missierna li jħobbna, li jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Meta nersqu lejh, l-ewwel attitudni importanti hi din: li nersqu lejh b’din il-fiduċja ta’ wlied li għandna Missierna li jħobbna u jagħti kasna. Għalhekk, l-ewwel fit-talb, li hu d-djalogu miegħu, hu li nisimgħuh, li noqogħdu fis-skiet nisimgħuh, qabel nitkellmu aħna.

Talb ta’ tifħir

Ġesù jgħidilna “Jitqaddes ismek”. Qabel “agħtini” hi li nfaħħru lil Alla, li l-kliem tagħna jkun kliem ta’ tifħir speċjalment lejn l-isem imqaddes tiegħu. Nixtieqkom tinnutaw il-kuntrast bejn dan li qal Ġesù, kif jibda t-talb tagħna, “Missier, jitqaddes ismek”, ma’ dak li sfortunatament nisimgħu b’mod tant mifrux fis-soċjetà tagħna, għax il-messaġġ kultant hu “jitkasbar ismek”. Sfortunatament hi xi ħaġa tant mifruxa, imma Ġesù qed jgħidilna li t-talb tagħna għandu jibda bit-tifħir tal-isem imqaddes ta’ Alla.

Talb ta’ rabta mar-rieda tiegħu

Imbagħad Ġesu jgħid ukoll “Tiġi saltnatek”, u fil-verżjoni ta’ San Mattew tkompli: “Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6:10). Hi t-talba li tesprimi l-attitudni ta’ Ġesù – “Ikun li trid int” – u għandha tesprimi l-attitudni tagħna li, qabel xejn, irridu li sseħħ ir-rieda tiegħu. Meta ngħidu “tiġi saltnatek”, qed ngħidu li qalbna rridu norbtuha mar-rieda ta’ Alla għax nafu li dak li jrid hu dak li hu tassew ta’ ġid għalina.

Talb għal dak li neħtieġu

Ġesu jgħid “ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum”. Għandna nitolbu għal dawk li huma l-ħtiġijiet tagħna, u għandna nressqu dan b’fiduċja u nkomplu nitolbu anke meta kultant qisu jidher li t-talb tagħna ma jinstemax. Din hi esperjenza ta’ ħafna minna kultant, li nitolbu u qisu qed nitolbu għalxejn. Imma fil-fatt ma nkunux qed nitolbu għalxejn, għax inkunu qed inressqu quddiem il-Mulej it-talb tagħna, dak li nemmnu li hu ta’ ġid, anke jekk mhux dejjem se nifhmu għaliex m’aħniex naqilgħu dak li nitolbu. U fl-istess djalogu ma’ Alla nkunu qegħdin aħna stess nikbru fl-imħabba lejh u nitgħallmu ħafna affarijiet.

Talb li jgħinna nagħrfu aktar lil Alla

Nitgħallmu, bħalma tgħallem Abraham fid-diskursata li kellu ma’ Alla u li smajna fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 18:20-32). X’tgħallem Abraham? Tgħallem xi ħaġa li llum, tant snin wara, uħud minna għadna ma tgħallimniex. Kultant tisma’ min jgħid “il-pandemija kastig ta’ Alla”. Abraham, fid-diskursata, tgħallem li mhux veru Alla jġib ruħu hekk – għax Alla mhux se jikkastiga t-tajbin mal-ħżiena f’daqqa, jagħmel xi ħaġa ħażina, kif ġie ġie, li tolqot lil kulħadd. Fid-diskursata fejn Abraham jitkellem ma’ Alla, u qisu jiġġebbed u dejjem inaqqas in-numri, tgħallem fid-djalogu ma’ Alla li Alla hu ġust, u li hu Alla li jħobb il-bniedem. Għalhekk it-talb lilna jgħinna biex fid-djalogu ma’ Alla, nagħrfu aktar lilu u nagħrfu aktar lilna nfusna.

Talb li jesprimi attitudni ta’ maħfra

Jgħidilna wkoll il-Mulej – ħaġa importanti ħafna – biex nitolbu “aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. It-talb mhuwiex biss “jien u Alla”, “Alla u jien”, imma wkoll jien fi ħdan il-famija ta’ Alla. Qed jgħid hawn li l-attitudni tagħna għandha tkun dik ta’ wlied li nittrattaw lil xulxin bħal aħwa. U li l-attitudni tagħna ma għandhiex tkun dik ta’ vendetta, jew tpattija, jew mibegħda, imma jkollna l-istess spirtu ta’ Ġesù.

L-istil tat-talb tagħna

Nindunaw kemm hu sabiħ li nitgħallmu nitolbu, u kemm hu importanti li nkomplu ħajjitna kollha nitgħallmu nitolbu. Speċjalment, jekk inżommu din it-talba li għallimna Ġesù, it-talba tal-Missierna. Fiha naraw mhux biss l-isbaħ talba – għax għallimhielna hu stess – imma l-istil ta’ kif għandu jkun it-talb tagħna.

Nitolbu lill-Mulej bħad-dixxipli: Mulej, għallimna nitolbu, għallimna nħarsu lejk b’fiduċja. Inti Missierna li tħobbna, u li dejjem tagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju