L‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jirringrazzjaw minn qalbhom lill‑poplu Malti u Għawdxi għall‑merħba mimlija ferħ, għożża u fidi li taw lill‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku f’din “l‑art imdawla”, kif għoġbu jsejjaħ lil pajjiżna.

L‑Arċisqof ta’ Malta Charles Jude Scicluna, l‑Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qalu li dawn kienu jumejn li nisslu f’qalbna ferħ u paċi, u li saħħew fina l‑fiduċja li bħala pajjiż nistgħu nagħtu kontribut biex jilma l‑wiċċ sabiħ tal‑bniedem.

L‑Isqfijiet għandhom fiduċja qawwija li din iż‑żjara tas‑suċċessur ta’ San Pietru f’pajjiżna ser issaħħaħ l‑enerġiji tagħna sabiex “inroddu lura s‑sbuħija tal‑wiċċ tal‑bniedem”, inpoġġu l‑persuni dgħajfa fiċ‑ċentru tal‑għażliet tagħna, u li bħala Nsara nsibu l‑ferħ tagħna fl‑impenn biex inwasslu l‑Aħbar it‑Tajba.

Apprezzament partikolari lill‑mijiet ta’ persuni li taw ħinhom, l‑enerġija u l‑professjonalità tagħhom sabiex din iż‑żjara setgħet isseħħ: il‑Kumitat Organizzattiv tal‑Knisja u l‑Kumitat Organizzattiv tal‑Istat, il‑Forzi tal‑Ordni u l‑Korpi Dixxiplinati, l‑awtoritajiet tas‑saħħa, il‑Kulleġġ tal‑Kappillani u l‑parroċċi, il‑voluntiera, l‑impjegati tal‑Kurja u entitajiet oħra tal-Knisja, il‑media lokali u l‑mezzi kollha tax‑xandir li kienu ta’ servizz lil min segwa mid‑dar, u kif ukoll lil kull min ta l‑kontribut tiegħu.