• ***
      Direttur: Theodore Melfi
      Atturi: Bill Murray, Melissa McCarthy, Naomi Watts,  Jaeden Lieberher, Chris Dowd, Kimberley Quinn, Donna Mitchell u Terence Howard

      Ħin tal-Film: 102 min
       
      Klassifika taċ-Ċensura: 12A
      Klassifika tal-Knisja: 15

      Vincent,  imdaħħal xi ftit fi żmien, hu veteran tal-gwerra fi Vjetnam. Il-ħajja edonistika li kien igħix kienet ħallitu bla ħbieb u wisq iktar bla flus barra wkoll bla futur. Din il-qagħda kellha tinbiddel hekk kif bħala ġirien tiegħu daħlet Maggie Bronstein, omm Oliver it-tifel tagħha ta’ tnax –il sena. Il-bżonn li xi hadd kellu jieħu ħsieb Oliver wara li dan jispiċċa mill-iskola, ġagħla titlob  lil Vincent biex jibda jieħu ħsiebu. Dan il-pass kellha tagħmlu minħabba li l-omm kienet taħdem fit- tard wara li kienet iddivorżjat lill-missier Oliver.   Din l-għajuna,  Vincent kien lest li jgħati basta li Maggie tħallas għal dan is-servizz.

      Iż-żewg protoganisti tal-film: Vincent u Oliver ma jdumux ma jistabbilixxu relazzjoni bejniethom ta’ hbieb, bit-tnejn jgħinu lil xulxin biex jaraw il-bżonnijiet ta’ xulxin… Vincent minnaħa tiegħu jgħin lil Oliver biex jibda jieħu ħsieb lilu nnifsu u jibda jaħseb ta’ guvnott, li  qieghed jikber biex isir adult; Oliver minnaħa tiegħu jgħin lil Vincent  biex ma jaqtax qalbu anke meta l-ħajja madwaru kienet  iebsa u diffiċli. Vincent kien qiegħed jieħu ħsieb martu Sandy li kienet tgħix  f’dar għall- kura minħabba li kienet tbati minn Alzheimer. Waqt il-ħin li Vincent kien ikun jieħu hsieb lil Oliver, sab il-ħin biex jieħdu għat-tiġrijiet taz-żwiemel, kif ukoll ġewwa ħwienet tax-xorb, barra li  anke għallmu kif jiddefendi lilu nnifsu. Vincent ukoll jintroduċih għal-ħabiba tiegħu Daka, u  li kienet stripper u tqila b’tarbija. Oliver minnaħa tieghu sab f‘dan  il-ħabib gdid ghajnuna kbira tant li anke ra kif ghamel biex isib fih sinjali ta’ qdusija għalkemm mhux għal kollox kif taħsibha l-Knisja Kattolika fuq il-qaddisin. Xi jkun ir-riżultat ta’ dan il-ħsieb li Oliver ħareġ  bih?

      Film kummiedja-dramm Amerikan , bid-Direttur u kittieb Theodore Melfi jipproduċi l-ewwel film tiegħu għal fuq il-liżar taċ-ċinema. Il-protoganisti tal-film, Vincent u Oliver  jaqilgħu l-parti tagħhom b’sengħa kbira. Joħrog tajjeb ħafna s-sehem ta’ Brother Geraghty, għalliem fi skola Kattolika li għen ħafna lil Oliver, ta’ reliġjon Lhudia,  biex jissetilja malajr fl-iskola l-ġdida li sab ruħhu fiha. It-tema tal-film fejn Oliver jara fil-persuna ta’ Vincent bħala qaddis għalkemm il-ħajja li kien jgħix Vincent ma kienitx daqshekk qadddisa, kif nifhmuha ahna. Tajjeb li l-film jarawh dawk li ghalqu l-ħmistax-il sena.