Fil-bidu tas-seklu 19, Vincenzo Dimech tana din l-istatwa straordinarjament sabiħa ta’ San Publiju. U waqt li segwa l-ikonografija tradizzjonali tal-qaddis protos tagħna, libbsu kappa sabiħa minn lewn id-demm: id-demm tal-ħajja, tax-xhieda u tal-imħabba. Din is-sena l-parroċċa għażlet li tirrifletti fuq din il-kappa. Imma għalina l-kappa li liebes San Publiju fl-istatwa, hi tant għażiża mhix biss għall-Furjaniżi, imma għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Din il-kappa, xi tfisser? Meta tgħid li inti qiegħed għall-kenn tal-kappa ta’ San Publiju, xi tkun qed tifhem?

Ħa nibdew mill-oriġini ta’ din il-kappa, li nilbsu aħna s-saċerdoti u l-isqfijiet, li saret parti mill-ilbies liturġiku, l-ilbies tal-qima tal-Knisja. U rridu nifhmu, li aħna nużaw ħafna ilbies – eżempju din insejħulha ‘pjaneta’, jew ‘casula’ bil-Latin – ġejjin mit-tradizzjoni Rumana, minn żmien San Publiju. U Publiju kellu l-kappa tiegħu bħala protos, bħala prinċep ta’ din il-gżira. U jiena nimmaġinah b’dan il-kappun xitwi (l-Atti tal-Appostli jgħidilna li kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard) fl-oqsma tiegħu mhux ’il bogħod mill-post tan-nawfraġju. Għax l-Atti tal-Appostli stess jgħidilna: “F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publiju” (Atti 28:7). Mela l-oqsma ta’ Publiju kienu qrib ħafna l-post tan-nawfraġju; il-post fejn il-bastiment, li kien qed iġorr 276 ruħ, inkalja u tfarrak. Imma kif jgħid ukoll il-kapitlu 27 u 28 tal-Atti tal-Appostli, kollha salvaw. Dik kienet il-wegħda tal-anġlu lill-Appostlu Missierna: “Ħadd minnkom mhu se jitlef xagħra waħda minn rasu” (Atti 27:34). Il-ġifen biss jintilef. “U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ” (Atti 27:44).

U jiena nimmaġinah lil dan il-protos: ma nimmaġinahx anzjan ħafna. Elfejn sena ilu l-għomor ma kienx twil ħafna; imma nimmaġinah fit-tletinijiet iħares mill-oqsma tiegħu. Kellu d-domus l-Imdina, imma l-villa, l-oqsma tiegħu kienu qrib San Pawl Milqi jew Burmarrad kif nafuh illum. U minn hemmhekk iħares lejn il-ponta tal-Qawra u jara dan il-ġifen jinkalja u jiġġarraf bejn żewġ kurrenti, li għadna nistgħu narawhom sal-lum.

Irridu nitolbu lil Publiju, mhux biss f’pajjiżna imma fid-dinja, li kull min għandu s-setgħa u l-qawwa, ma jużahiex biex ikisser u jfarrak, jhedded u jgħajjar; imma jużaha bħala servizz biex jgħin, ifejjaq, idewwi, jibni, ixettel, ikabbar u jagħti l-frott.

U jaqbad il-kappa tiegħu, li bil-Latin kienet il-‘pelula’, jilbisha minħabba x-xita u l-bard, u jmur jara x’inhu jiġri. Il-kappa li libes dakinhar, ma kinitx imdehba, imma kienet il-kappa li biha stkenn mix-xita biex ikun ta’ kenn għall-proxxmu. Dan huwa l-ewwel eżempju sabiħ. Meta niftakru f’San Publiju, ejjew niftakruh imkeffen fil-kappa tiegħu, li r-Rumani kienu jilbsu bħala inċirata, sejjer lejn ix-xatt biex mal-Maltin l-oħra, li t-testi jgħidulna “li n-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2); jieħu ħsieb lil dawn il-276 ruħ. Ra fihom bnedmin: ma qagħadx jiċċekkja min kienu, imma kienu bnedmin tad-demm u l-laħam, u li kellhom bżonn l-għajnuna. Il-kappa ta’ San Publiju hija xhieda tal-kenn mix-xita imma wkoll ta’ qalb li toffri kenn.

Il-kappa tfakkarna fis-sejħa li kellu l-protos: li jkun hu li jagħti kenn u protezzjoni lill-poplu tiegħu. U hawnhekk, bl-interċessjoni ta’ San Publiju, irridu nitolbu quddiem l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż – insellimlek Eċċellenza President, lilek Onorevoli Prim Ministru, lilek Kap tal-Oppożizzjoni, ministri u anke membri parlamentari – intom magħna llum qegħdin tirrapreżentaw dak kollu li jfisser kenn, protezzjoni, kura għall-pajjiż tagħna.

Il-kappa tiegħu ma kinitx tat-tiżjin imma kienet il-qalb li tilqa’

Jekk aħna llum irridu nfakkru lil San Publiju liebes il-kappa tiegħu, irridu nifhmu li hi l-kappa tal-awtorità, allura ta’ responsabbiltà wkoll. Nifhmu li l-qaddis tagħna kien imsejjaħ li jkun il-prinċep tal-gżejjer tagħna, l-awtorità ċivili tagħna. L-istudju jgħidilna li l-Imdina, jew il-belt ta’ Melite, kellha grupp ta’ nobbli li x’aktarx mal-gżira kellhom l-oqsma tagħhom u kienu jagħżlu protos. Ovvjament ir-Rumani kienu japprovawh għax aħna konna parti mill-provinċja ta’ Sqallija – civitas foederata – jiġifieri belt magħquda mal-provinċja ta’ Sqallija b’relazzjoni ta’ simpatija u alleanza. U l-protos tagħna kien jirrapreżentana imma kellu s-sejħa li jkun il-ħakem tagħna. Fit-terminoloġija sabiħa tagħna: il-ħakem hu dak li joffrilna kenn, li jieħu ħsiebna miċ-ċokon sal-mewt.

U Publiju, mhux biss kellu l-kappa għax-xita u l-bard, imma kellu wkoll it-toga, kappa oħra li kienu jilbsuha s-senaturi jew il-proti, dawk li huma prinċpijiet fl-ibliet tal-Imperu. U dik it-toga kellha s-sinjal tal-awtorità imma wkoll tas-servizz.

Nifhmu, li fl-Imperu Ruman, mhux kull min kellu l-awtorità, kellu l-ispirtu ta’ servizz u jekk inħarsu lejn id-dinja tal-lum, naraw l-istess. Għax l-awtorità, għandha bżonn ukoll li tissieħeb ma’ spirtu li jifhimha bħala qadi; bħala sejħa li min hu fl-awtorità joffri kenn, ħarsien, għajnuna, rispett lejn id-dinjità. U aħna rridu nitolbu lil Publiju, mhux biss f’pajjiżna imma fid-dinja, li kull min għandu s-setgħa u l-qawwa, ma jużahiex biex ikisser u jfarrak, jhedded u jgħajjar; imma jużaha bħala servizz biex jgħin, ifejjaq, idewwi, jibni, ixettel, ikabbar u jagħti l-frott. U dan nitolbuh lil San Publiju.

Il-kappa tfakkarna wkoll fil-protezzjoni li jagħti Alla. Publiju, fix-xatt tal-gżejjer tagħna, kellu bżonn il-kappa kontra x-xita u l-bard; imma ħa ħsieb ukoll li joffri kenn lill-bnedmin ħutu. Imma hu rċieva wkoll is-sinjal qawwi tal-protezzjoni ta’ Alla. Lil dawn il-276 persuna, offrilhom kenn fl-oqsma tiegħu għal tlett ijiem sħaħ. Immaġinak inti, tkun min tkun, ikollok 276 persuna, li ġew ta’ fuqhom senduqhom u tilqagħhom għandek għal tlett ijiem. Hekk għamel Publiju.

Il-kappa tiegħu ma kinitx tat-tiżjin imma kienet il-qalb li tilqa’. “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35-36). Imbagħad Pawlu pattielu, billi jikkonferma barka oħra tal-Mulej: “Kont marid u ġejt iżżurni” (Mt 25:36). U hekk jagħmel Pawlu ma’ missier Publiju li “kien marid bid-deni u d-disenterija, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejqu” (Atti 28:8).

[Publiju] induna bil-qawwa ta’ min jimxi taħt il-kappa ta’ Alla, li jaċċetta l-protezzjoni tiegħu; li jifhem li anke l-awtorità tal-bniedem, trid timxi fuq il-Kelma ta’ Alla biex tkun awtorità tassew.

U Publiju jiltaqa’ ma’ kappa oħra, il-kappa tal-protezzjoni tal-Mulej. Il-kappa mhux biss ir-responsabbiltà u l-ġieħ tat-tmexxija; allura l-vokazzjoni taħt il-kappa tiegħek, inti u tkennen lill-poplu u li taħdem għall-għaqda tal-poplu. Imma hija wkoll sinjal tal-protezzjoni ta’ Alla. Kelma oħra għall-kappa hi ‘cappa pluvialis’, l-inċirata li tilqa’ mix-xita; imma x-xita tinżel mis-sema. Minn dejjem kienet ukoll sinjal tal-Kelma ta’ Alla, tal-barka ta’ Alla. Aħna nitolbuha din il-barka (mhux illum u lanqas meta jkollna xi avveniment). Imma staqsu lill-bdiewa tagħna u jgħidulek kemm hi barka meta tkun f’waqtha u bil-qies. Imma l-kappa ta’ San Publiju tfakkarna wkoll fil-protezzjoni ta’ Alla.

Publiju ltaqa’ ma’ Alla veru u ħaj, b’dak li xandarlu Pawlu; meta ra lil missieru jfiq, u ħaddan lil missieru lura lejn il-ħajja, u mhux fid-dell tal-mewt. U nduna bil-qawwa ta’ min jimxi taħt il-kappa ta’ Alla, li jaċċetta l-protezzjoni tiegħu; li jifhem li anke l-awtorità tal-bniedem, trid timxi fuq il-Kelma ta’ Alla biex tkun awtorità tassew. U li Alla, bħalma hemm fil-profezija ta’ Iżaija li smajna fl-ewwel qari: lil min jieħu ħsieb il-proxxmu, imexxih, ixebbgħu, imqar jekk ikun f’deżert. Jekk taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u xxebba’ lir-ruħ imsejkna, “imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam, u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar. U l-Mulej jibqa’ jmexxik għal dejjem, u jxebbagħlek qalbek fl-imkejjen niexfa, u jsaħħaħlek għadmek. Int tkun bħal ġnien bis-saqwi, bħal għajn ta’ ilma ma jonqos qatt” (Iż 58:10-11). Din hija l-barka ta’ min għandu l-protezzjoni tal-Mulej. Il-Mulej hu t-tarka tiegħi. Sinifikat profond ieħor tal-kappa hu li hi tarka, protezzjoni.

Imma aħna rridu nifhmu, li l-ikbar protezzjoni li għandna ġejja minn Alla; li aħna taħt il-kappa tiegħu, li m’hemm ħadd minna li aqwa minn Alla; hu min hu, għandu kemm għandu armamenti, għandu kemm għandu bluha u arroganza, huwa taħt Alla. U fuq Alla m’hemm ħadd!

Aħna u nħarsu lejn dak li qed jiġri madwarna fid-dinja, u jkollok tgħid: ara veru m’hemm xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx. Imma l-Malti, meta kien iħares lejn il-ħolqien, kien juża l-kelma kappa għax kien jaf li l-ħolqien ġej min xi ħadd li hu l-ħallieq. U li veru, l-istorja kultant tgħallimna li m’aħniex kapaċi nitgħallmu, imma hemm bżonn li nduru lejn il-qaddisin tagħna, f’din il-festa tal-lum lejn San Publiju u nitolbuh biex inkunu mħarsin bil-kappa tiegħu: kappa li tirrikonoxxi l-primat t’Alla, tad-dinjità tal-bniedem, tal-għerf tal-kmandamenti; kappa ta’ min iħaddan is-servizz fl-awtorità tiegħu bħala qadi lill-proxxmu.

Viva San Publiju!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Aktar ritratti