L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-sena l-festa għażiża ta’ San Ġużepp, li niċċelebraw ta’ kull sena fid-19 ta’ Marzu, għandha sinifikat profond. Il-Papa Franġisku li beda l-ministeru tiegħu bħala papa bħal-lum tmien snin, għax għażel il-festa ta’ San Ġużepp biex jibda l-ministeru tiegħu bħala papa, ħabbar li din is-sena hija ddedikata lil San Ġużepp.

Għalina hija sena li diffiċilment ninsewha minħabba wkoll is-saram tal-pandemija. Qegħdin niċċelebraw din il-quddiesa fil-festa ta’ San Ġużepp mingħajr il-komunita li tant tiġi bi ħġarha tiċċelelbra din il-festa għażiża f’din il-knisja tant għażiża.

Il-Papa tana dokument sabiħ li jitkellem fuq il-qalb ta’ San Ġużepp. Fil-fatt semmieh ‘B’Qalb ta’ Missier – Patris Corde’. Jekk aħna naraw il-qari li l-Knisja tagħżel għal din il-festa, għal din is-solennità ta’ San Ġużepp, nindunaw li hemm tema, hemm suġġett li nsibuh kważi f’kull qari. Huwa dak ta’ li tkun missier, tal-paternità. Fit-Tieni Qari smajna dik l-espressjoni qawwija: “Tkun missier ta’ ħafna ġnus” (Rum 4:17). U aħna llum ukoll infakkru li 150 sena ilu l-Beatu Piju IX għażel lil San Ġużepp bħala l-patrun universali tal-Knisja.

X’kienet tfisser din l-għażla tal-Beatu Piju IX? Wara kollox, kien qiegħed jikkonferma dak li aħna nsibu fil-Kotba Mqaddsa għaliex San Ġużepp, dan ir-raġel ġust, ġie magħżul minn Alla biex ikun dak li jħares lill-omm u lill-iben, lil Marija ta’ Nazaret l-għarusa tiegħu u lill-iben li hi nisslet fil-ġuf bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Papa Franġisku għandu meditazzjoni sabiħa fuq l-omm u t-tifel. Hu jgħid: ‘min iħares lill-omm u t-tifel ikun qiegħed jifhem li jħares lil umanità kollha għaliex it-tifel ta’ Marija ta’ Nazaret huwa dak li meta jikber jgħidilna dan il-kliem għażiż: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u fil-ħabs u ġejtu żżuruni, kont barrani u lqajtuni … Kulma għamiltu mall-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:35-36.40).’

Mela l-Papa Franġisku jgħallimna li inti, meta fil-qalb tiegħek trid tindokra lil Ġesù, tifhem li tindokra lil kull persuna għaliex f’kull persuna Ġesù jara x-xbieha għażiża tiegħu. Imma jekk hemm xi ħadd li Ġesù seta’ jgħid dan il-kliem għażiż b’mod dirett, kien propju lil San Ġużepp. ‘Kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni, kont għeri u libbistni, kont fil-periklu tal-mewt meta inti stajt tiddeċiedi li lil ommi tagħtiha għat-tħaġġir, imma ħaristni – salvajtni”. Dan huwa kliem li Ġesù jgħid direttament lil San Ġużepp: ‘Ommi li nisslitni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, inti ma warrabthiex imma obdejt il-leħen tal-Missier tas-sema u lqajtha lil ommi li kienet qed iġġorr lili fil-ġuf’.

Kemm huwa kbir San Ġużepp meta nifhmu li d-deċiżjoni tiegħu ta’ raġel ġust kien li jsalva lil din il-mara u lit-tarbija li ma kinitx tiegħu. Fl-ewwel ħolma li biha u fiha jkellmu l-Mulej jingħata l-aħbar li dak li tnissel fil-ġuf ta’ Marija ta’ Nazaret huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. U jingħata ordni: “Inti ssemmih Ġesù għax dan għad isalva lil ħutu” – lilna lkoll – “minn dnubietna” (Mt 1:21). L-isem Ġesù hekk ifisser: ‘Alla jsalva’.

Nafu li fl-Evanġelji l-Mulej ikellem lil San Ġużepp għal erba’ darbiet fil-ħolm. Il-Papa Franġisku jsejjaħ lil San Ġużepp ‘missier fl-ubbidjenza’. Huwa l-Missier li jilqa’ mhux biss lil Marija u ’l Ġesù imma jgħallimna kif il-qalb tagħna trid tkun miftuħa għal dak kollu li l-Mulej jitlob minna b’mod speċjali li narawh f’ħutna.

San Ġużepp huwa dak li f’mumenti ta’ diffikultà jħoss ir-responsabbiltà li jrid jieħu deċiżjonijiet importanti għaliex il-Mulej (dan hu t-tagħlim tal-Papa) il-Mulej ma jsalvax lil ibnu u lil ommu permezz ta’ xi maġija jew ta’ xi miraklu kontinwu. Jagħżel lil San Ġużepp. U San Ġużepp kemm-il darba jkollu jxammar il-kmiem u jieħu deċiżjonijiet ibsin.

Marru Betlehem għax l-imperatur hekk kien ordna biċ-ċensiment. U fil-lukanda m’hemmx post. Hu jpoġġi lil martu tqila bit-tarbija – fejn seta’ jsib? Ġo stalla! Il-Papa jimmaġina lil San Ġużepp inaddaf kif jista’, jirranġa kif jista’ biex iħejji għal martu l-post fejn tista’ twelled din it-tarbija għażiża. Imbagħad jifhem li wara l-viżta tal-Maġi, Erodi jixtieq joqtol lit-tifel u jkollu l-kmand biex jaqbad lil ommu u lit-tifel u jmur l-Eġittu u jsir refuġjat, refuġjat biex iħares lill-familja tiegħu. U hemmhekk ukoll is-sengħa tiegħu ta’ mastrudaxxa jagħti għixien lill-familja tiegħu, jidħol f’kultura differenti – dik Eġizzjana u jkun jista’ jmantni lil Marija u lil Iben t’Alla magħmul bniedem.

Jekk irridu nifhmu l-qalb ta’ San Ġużepp, nifhmu li l-qalb ta’ Ġesù tgħallmet ħafna minnu.

Jerġa’ jirritorna u għal darbtejn l-Mulej jindikalu x’għandu jagħmel. Hu jobdi u jispiċċaw Nazaret fejn lil Ġesù mhux biss jisqih, jitimgħu, ilibbsu imma wkoll jedukah. Il-Papa jgħid li kemm-il darba fl-Evanġelju l-Mulej jitkellem b’simpatija, b’kommozzjoni fuq il-missirijiet ta’ din l-art: il-missier taż-żewġt aħwa l-iben il-ħali u ħuh il-kbir. Il-Papa jgħid li Ġesù żgur kien qed jiftakar f’missieru tal-art, f’San Ġużepp.

Aħna x’għandna x’nitgħallmu minn San Ġużepp? Nitgħallmu kif ikollna qalb kbira għal xulxin, kif ngħożżu lil xulxin, kif nilqgħu lil xulxin, kif nipproteġu l-ħajja sa mill-bidu tagħha. Jekk hemm xi ħadd li għandu bżonn ikellem lill-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin huwa San Ġużepp. Hu jgħidilna: ‘ħarsu s-saħħa ta’ xulxin, mill-bidu tal-ħajja fit-tnissil fil-ġuf sal-mewt naturali tagħha’.

Hu kellu l-barka li fil-punt tal-mewt tiegħu jkollu miegħu lil Ġesù u lil Marija. Nitolbuh din il-grazzja li fl-agunija tagħna jkollna l-faraġ ta’ Ġesù u ta’ Marija. Imma fl-istess ħin nitolbuh il-grazzja li f’dan il-mument ta’ pandemija jħares lill-ħaddiema tagħna. Min jaf kemm hawn min huwa inkwetat fuq x’se jiġri ’l quddiem, x’se jiġri minn xogħlu. Hu, li missier ħaddiem, jaf x’jiġifieri jkollok tgħix b’dak ix-xogħol li ssib f’raħal ċkejken. Hemm studjużi li jgħidu li x’aktarx kien jinżel fil-wied u f’Sippora, belt mhux ’il bogħod minn Nazaret imma kbira, fejn kien isib iżjed xogħol u Ġesù kien imur miegħu – jaħdem, jitgħallem is-sengħa ta’ missieru putattiv, ta’ missieru ta’ din l-art, is-sengħa ta’ mastrudaxxa.  

U b’hekk Ġesù hu u jikber u jimmatura bħala raġel adult fl-iskola ta’ Ġużeppi, jiltaqa’ ma’ ħafna nies ta’ kulturi, ta’ reliġjonijiet differenti. U hekk jitħejja biex fil-missjoni pubblika jkun Ġesù li nafuh, Ġesù ta’ Nazaret li l-qalb tiegħu hija qalb umli u ħelwa. U jekk irridu nifhmu l-qalb ta’ San Ġużepp, nifhmu li l-qalb ta’ Ġesù tgħallmet ħafna minnu. U allura nitolbuh lil San Ġużepp biex jagħti lil kull wieħed u waħda minna l-qalb tiegħu, qalb li tħobb fis-silenzju imma qalb li lesta biex tobdi għall-ġid ta’ dak li jkun, qalb mimlija għożża għal kull bniedem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Sam 7: 4-5a.12-14a.16
Salm: 88, 2-5.27.29
Qari II: Rum 4, 13.16-18.22
Evanġelju: Mt 1, 16.18-21.24a