Sr Emanuel Borg li ilha snin twal missjunarja fl-Indja, għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem matul il-lejl li għadda.

Il-Kummissarju Għoli għal Malta fl-Indja flimkien ma’ Sr Emanuel

Il-Kummissarju Għoli għal Malta fl-Indja Reuben Gauci kkonferma dan b’dieqa kbira u qal li Sr Emanuel, li dejjem ftaħret bl-għeruq Maltin tagħha speċjalment bil-laqam tal-familja – Taż-Żundajru, mietet f’Dumka, f’Jharkhand.

Sr Emanuel kienet membru tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Bartolomea Capitanio u Santa Vincenza Gerosa, li huma magħrufa wkoll bħala s-Sorijiet ta’ Marija Bambina.

Is-soru li kienet tinsisti li tissejjaħ Sr Emanuel u mhux Emanuela, kienet ilha missjunarja fl-Indja mis-sittinijiet. Hija ngħaqdet mal-Missjoni Maltija fit-tribù Santal, missjoni li twaqqfet f’Marzu 1925 mill-Ġiżwiti Maltin qalb dan il-grupp etniku.

“Ferħet tassew…” – L-Isqof Joseph Galea-Curmi

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi flimkien ma’ Sr Emanuel waqt iż-żjara fl-Indja fil-bidu tas-sena.

Min-naħa tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fakkar li ftit tal-ġimgħa ilu flimkien ma’ Fr Jimmy Bartolo SJ u Dr Cecil Azzopardi SJ, kellu x-xorti li jiltaqa’ mas-soru Karkariża fi żjara fil-kunvent f’Dumka.

Ritratt: Knisja.mt

“Ferħet tassew u fraħna lkoll b’dil-laqgħa. Il-Knisja f’Malta hija grata ħafna għall-ħidma ġeneruża ta’ Sr Emanuel. Grazzi mill-qalb, Sr Emanuel”, kompla jgħid l-Isqof Galea-Curmi.

Fi kliem il-Kummissarju Gauci, il-Missjoni Maltija fit-tribù Santal tilfet pilastru ieħor tal-karità.

Ir-ritratt li l-Kummissarju ppubblika mal-messaġġ tiegħu fuq il-midja soċjali ttieħed f’Marzu li għadda waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-100 anniversarju tal-istess missjoni Maltija fl-Indja.

Fr Paul Aquilina SJ, li ilu l-Indja mill-1954, huwa l-aħħar saċerdot Malti f’Dumka. Sr Marcette Buttigieg għadha qed taqdi l-missjoni tagħha hemmhekk ukoll. Fr Joseph Gauci Sacco, li mar l-Indja fl-1957, miet fl-2023.

Sors: Newsbook Malta