L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-kelma ‘anġlu’ ġejja mill-kelma Griega ‘angelos’ li tfisser messaġġier. Fl-Iskrittura, l-anġli huma l-messaġġiera ta’ Alla, u t-tlieta li jissemmew b’isimhom – li aħna nsejħu arkanġli – huma proprju dawk li qed nagħmlu l-festa tagħhom illum: Mikiel, Gabrijel u Rafel. F’isimhom stess – fit-tifsira ta’ isimhom – hemm miġbura l-missjoni li Alla tahom.

Mikiel, ismu jfisser: min hu bħal Alla? Lil Mikiel narawh fil-ktieb ta’ Danjel u fil-Ktieb tal-Apokalissi. Mikiel jirrappreżenta din il-forza kontra x-xitan, kontra l-qawwa tal-ħażen. Hu l-arkanġlu li jipproteġi lil dawk li jħobbu lil Alla, li jipproteġi lill-Poplu ta’ Alla. Aħna fil-fatt ngħidu t-talba lil San Mikiel kull darba hawnhekk, wara r-reċita tar-Rużarju. Tajjeb li nieqfu fuq it-tifsira ta’ ismu: “min hu bħal Alla?” Tfakkarna li ħadd mhu bħal Alla, ħadd jista’ jieħu post Alla, ebda idolu. Alla hu dak li lilna jmexxina fil-ħajja tagħna, anke jekk it-triqat tiegħu mhux dejjem huma t-triqat tagħna, u l-ħsibijiet tiegħu mhux dejjem huma l-ħsibijiet tagħna. Imma Alla tagħna, li nemmnu fih, hu Alla qrib tagħna li permezz ta’ Ġesù wriena kemm iħobbna u kemm hu qrib tagħna.

Gabrijel, ismu jfisser: Alla hu l-qawwa tiegħi. Lil Gabrijel narawh b’mod speċjali fit-tħabbira li għamel lil Żakkarija u lil Marija: lil Żakkarija t-tħabbira li kien se jitwieled Ġwanni l-Battista, u lil Marija li se jitwieled Ġesù. Fid-darbtejn, Gabrijel hekk jgħid: “tibżax, Żakkarija”, “tibżax, Marija”. Jgħidilhom biex ma jibżgħux, għax Alla hu l-qawwa tagħhom. Fil-fatt lil Marija jgħidilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-għoli tixħet id-dell tagħha fuqek.” Kemm hu importanti niftakru dan! Alla hu l-qawwa tagħna. Speċjalment niftakru f’dan fil-mumenti meta ninħakmu minn biża’, fil-mumenti ta’ dlam meta ma nistgħux naraw xaqq ta’ dawl, fil-mumenti meta qisna naraw diversi affariijiet jaqgħu fil-ħajja tagħna u nħossu dak it-toqol f’qalbna – niftakru li Alla hu l-qawwa tagħna, biex imexxina ’l quddiem, biex ma jħalliniex nintrikbu mill-qtigħ ta’ qalb.

Alla hu dak li jfejjaqna u jagħtina s-saħħa li għandna bżonn, speċjalment is-saħħa minn ġewwa, is-saħħa fir-ruħ tagħna

Rafel, ismu jfisser: Alla li jfejjaq. Lil Rafel narawh fil-ktieb ta’ Tobit, meta hu jakkumpanja lil Tobija, u mbagħad ifejjaq ukoll lil missieru Tobit. Aħna għandna bżonn dan il-fejqan – niftakru li Alla hu dak li jfejjaqna – speċjalment il-fejqan minn ġewwa, il-fejqan tar-ruħ tagħna, għax aħna lkoll midinbin, u l-fejqan jagħtina f’ħajjitna l-paċi u l-ferħ ta’ Alla.

Għalhekk, tajjeb li f’dil-quddiesa nitolbu lil dawn it-tliet Arkanġli – Mikiel, Gabrijel u Rafel – biex lilna wkoll iwasslulna dan il-messaġġ li jwasslu fl-Iskrittura, li tant hu importanti għall-ħajja tagħna. Biex niftakru l-ewwel nett, li ħadd mhu bħal Alla, u li Alla tagħna hu qrib tagħna u jħobbna; li Alla hu l-qawwa tagħna, li jgħinna speċjalment fid-diffikultajiet tal-ħajja biex nimxu ’l quddiem; u li Alla hu dak li jfejjaqna u jagħtina s-saħħa li għandna bżonn, speċjalment is-saħħa minn ġewwa, is-saħħa fir-ruħ tagħna.

Nitolbu biex dawn it-tliet Arkanġli jakkumpanjawna fil-ħajja tagħna, u biex niftakru li dejjem jagħtuna dan il-messaġġ sabiħ, huma li huma l-messaġġiera speċjali ta’ Alla. Speċjalment illum, meta qed niftakru fl-anzjani, nitolbu għall-anzjani biex huma jkollhom il-protezzjoni ta’ dawn it-tliet Arkanġli, u għalhekk fil-ħajja tagħhom ikollhom dik l-għajnuna u l-appoġġ li jeħtieġu biex dejjem jimxu ’l quddiem b’ħafna paċi fil-qalb u b’ħafna serenità.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju