• ****

    Direttur:          Ron Howard

    Atturi:              Alden Ehrenreich, Woody Harrelson, Emilia Clarke, Donald Glover, Thandle Newton, Phoebe WallerBridge, Joonas Suotamo u Paul Bettany

    Ħin tal-Film:    135 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Fit-tarzna ta’ Corellia, Han, żagħżugh, fuq tiegħu u li kien jispira li jsir pilota, flimkien mal-maħbuba tiegħu Qi’ra, xtaq ħafna li jaħrab minn idejn il-grupp lokali ta’ kriminali. Fl-aħħar jirnexxilhom wara li xaħħmu uffiċjal imperjali li jħallihom jitilqu. Sfortunatament, Qi’ra tinqabad qabel ma titla’ abbord. Han jwiegħed li jirritorna biex jeħlisha minn idejn dawk li ħatfuha. Mingħajr mezzi, Han jidħol fil-Flotta Imperjali bħala kadett pilota. L-uffiċjal li kien responsabbli għar-rekluti, laqmu “Han Solo” peress li Han ma kellux kunjom.

    Tliet snin wara, Han isib ruħu barra mill-Akkademja Imperjali tat-Titjir, minħabba subordinazzjoni, u jispiċċa suldat tal-infanterija waqt battalja fuq il-pjaneta Mimban. Hawn, Han jiltaqa’ ma’ grupp ta’ kriminali taħt il-mexxej Tobias Beckett li kienu qegħdin jippożaw bħala suldati Imperjali. Han xaħħamhom biex iħalluh jidħol magħhom iżda Beckett jarrestah u jikkundannah biex jiġġieled mal-“Beast” li ukoll kien jinsab ikklazrat. Il-”Beast” kien Wookiee, bl-isem ta’ Chewbacca. Han kien kapaċi jitkellem bil-lingwa Shriiwook u jikkomunika ma’ Chewbacca. Han u Chewbacca jiftehmu li jitqabdu kontra xulxin. Riżultat ta’ din il-ġlieda, is-saqaf taċ-ċella jċedi. Beckett jgħinhom jaħarbu u jingaġġahom miegħu biex jisirqu ferrovija li fuqha kien hemm kunsinja ta’ fjuwil raffinat, magħruf bħala coaxium, iddestinat għal pjaneta Vandor.

    Beckett jirrabbja ħafna meta Han jabbanduna l-merkanzija meta jiġu attakkati minn Cloud Rides, grupp kriminali. Beckett jirrevela li hu kien ordnat biex jisraq dan il-fjuwil raffinat minn Dryden Vos, il-mexxej tas-sindikat kriminali Crimson Dawn. Beckett bir-raġun kien imbeżżgħa ħafna mir-rabja ta’ Vos. Han u Chewbacca joffru is-servizz tagħhom biex jgħinu lil Beckett jisraq kunsinja oħra ta’ dan il-fjuwil raffinat. It-tlieta jivvjaġġaw lejn il-jott ta’ Vos fejn Han jibqa’sorpriż meta hemm isib lil Qu’ra li tistqarr miegħu li hi kienet membru fil-Crimson Dawn. Han jħabbar pjan kif jistgħu jsirqu l-coaxium, fjuwil mhux raffinat, minn barrieri ġewwa Kessel. Vos jinsisti li magħhom tingħaqad Qi’ra. Tgħid jirnexxi l-pjan? Qu’ra tintroduċihom ma’ Lando Calrissian, kuntrabandist mill-kbar u pilota, li biex jaqsam il-priża, joffri l-vettura Millennium Falcon għal din il-missjoni.

    Film Amerikan, mimli azzjoni bi storja interessanti, taħt id-direzzjoni ta’ Ron Howard u kitba ta’ Jonathan u Lawrence Kasden. Għalkemm fih vjolenza mhux imdemmija, il-film jistgħu jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.