Illum, f’Jum il-Milied, id-Djakonija Parroċċi wasslet ikliet, ħelu u ġugarelli lil nies li jgħinu fil-parroċċi Maltin. Dan sar grazzi għal 85 voluntier permezz ta’ 50 karozza. L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi żar u tkellem mal-voluntiera waqt il-ħidma tagħhom miċ-Ċentru Parrokkjali tal-Iklin.

“Minkejja li r-restrizzjonijiet tal-pandemija naqsu sew, għad għandna nies li għal xi raġuni jew oħra jkunu marbutin f’darhom u ma jistgħux joħorġu jiċċelebraw mal-qraba u l-ħbieb,” spjega Albert Debono, il-Kap tat-Taqsima tad-Djakonija.

Dan il-Milied twasslu mal-100 ikla fil-Milied, filwaqt li 170 persuna oħra kienu ngħataw l-ikla ffriżata fil-jiem li għaddew. F’uħud mill-parroċċi t-tqassim isir mill-kappillan u l-membri tal-komunità stess. Parroċċi oħrajn jiġu sostnuti minn voluntiera minn madwar Malta biex kulħadd jingħata s-servizz meħtieġ.

Il-ħidma tad-djakonija fis-70 parroċċa madwar Malta tgħin 1,300 familja, id f’id ma’ aġenziji soċjali fil-komunità bħal St Jeanne Antide Foundation, Millennium Chapel, l-Uffiċċju Ħidma Soċjali tal-Caritas, is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika, Fondazzjoni Sebħ fil-komunità u l-Istitut Paolo Freire.

“Il-ħidma hi mmexxija minn għadd kbir ta’ voluntiera u professjonisti, u tkun għaddejja tul is-sena kollha. Imma f’dan iż-żmien, kif jixraq, tingħata iktar attenzjoni biex kulħadd ikun jista’ jagħraf il-miġja tal-Mulej fostna fil-ħidma tad-djakonija,” żied jgħid is-Sur Debono.
F’nofsinhar saret l-Ikla tal-Milied organizzata minn Caritas Malta bil-għajnuna ta’ The Alfred Mizzi Foundation u St Peter’s Foundation, wara waqfien ta’ sentejn minħabba l-pandemija Covid-19. L-Arċisqof Charles Scicluna, kif ukoll l-Isqof Awżiljarju, żaru lill-voluntiera fil-Kurja tal-Arċisqof iktar kmieni llum. Grazzi għal dawn il-voluntiera 550 persuna setgħet tiċċelebra dan il-Milied fil-kumpanija tal-oħrajn b’ikla bnina.

Għal iktar informazzjoni dwar id-djakonija fil-parroċċi żur djakonija.org u caritasmalta.org. Kull min jixtieq jagħti daqqa t’id lid-Djakonija jista’ jimla din il-formola.

Aktar ritratti