-
-
**
Direttur: Ciaran Foy
Atturi: James Ransone, Shannyn Sossamon, Robert Daniel Sloan, Lea Coco, Tate Ellington, John Beasley, Lucas Jade Zumann, Jaden Klein u Laila Haley
Ħin tal-film: 97 min.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Dylan Collins, tifel ta’ disa’ snin, kien ibati minn ħmar il-lejl u dan kien iseħħ spiss. Għandu ħuh tewmi, Zack u ommu Courtney. Meta jum wieħed kienu qegħdin jixtru, Courtney tintebaħ li kien hemm raġel jispija fuqhom u għalhekk f’ħakka t’għajn jitilqu ’l barra lejn ir-rażżett fejn kienu joqogħdu mwarrab minn kullimkien. Jidħer li Dylan matul il-lejl kien ikollu żjarat minn grupp ta’ tfal fantażmi mmexxija minn tifel bl-isem ta’ Milo. Dawn lejl wieħed jeħduh fil-kantina fejn hemm jibdew juruh numru ta’ films super eight ta’ familji li kienu qegħdin jiġu maqtula brutalment. Sadanittant id-Deputat li kien deher fl-ewwel film, jinvestiga l-ewwel qtil li seħħ. Issa kien jinsab jagħmel investigazzjoni indipendenti ta’ qtil li wettaq Bugħuul u kien fi proċess li jaħraq id-djar kollha fejn ġraw dawn id-delitti orribbli. Meta ġie fid-dar fejn kienu joqoghdu Courtney u t-tfal tagħha fejn fiha kien seħħ wieħed mid-dellitti, isib li fiha kien hemm in-nies. Courtney taħseb li kien investigatur mibgħut minn żewġha, bniedem abbużiv u kien għalhekk li ħarbet mid-dar bit-tfal. Courtney tħallih jerġa’ jiġi biex jinvestiga l-knisja abbandunata fejn seħħ qtil makbru. Wara nofsinhar, Clint, ir-raġel ta’ Courtney, ġie akkumpanjat minn pulizija biex jieħu ż-żewġ subien. Iżda d-Deputat jisfida lil Clint u jgħidlu li ma kellu l-ebda awtorita’ leġittima. Clint kontra qalbu kellu jirtira. Courtney wara dan l-intervent, toffri lid-Deputat biex jibda joqgħod hemm. Bejniethom malajr tiżviluppa relazzjoni romantika. Minnaħa l-oħra Zack jibda jgħir għal ħuh Dylan li kien jara dawn il-fantażmi. Hu wkoll xtaq ħafna li jibda jarahom! X’jiġri minn hawn? Kif tinbidel l-istampa?
Film Amerikan, mimli tensjoni w biża’, taħt id-direzzjoni ta’ Ciarna Foy, issegwi l-film li ħareġ bl-isem ta’ Sinister, fis-sena 2012. Omm ta’ tewmin ikollha tħalli d-dar maritali, minħabba l-abbuż gravi minn żewġha. Tispiċċa tmur toqoghod f’rażżett fejn darba kien twettaq delitt faħxi. Diżgrazzjatament, wieħed mit-tfal tagħha jiġi maħkum minn fantażmi ta’ tfal li kienu sfaw maqtula minn Bugħuul, demonju, li kien jqabbad it-tfal stess biex iwettqu d-delitti fuq il-familji tagħhom. Minħabba t-tema tal-film fejn hemm tema ta’ vendetta, kif ukoll vjolenza kontinwa li tinvolvi tfal, kif ukoll kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.