L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm talba li ngħidu b’rabta mar-Rużarju, fejn nitolbu hekk: “Marija Santissima, urina li inti ommna”. Illum qed niċċelebraw it-tifkira ta’ Marija, Omm u Xbieha tal-Knisja. Hi tifkira li ssir pjuttost reċenti – fil-fatt, kien daħħalha bħala tifkira li ssir bħal-lum, l-għada ta’ Għid il-Ħamsin, il-Papa Franġisku seba’ snin ilu. Ried – u hawn nifhmu kemm hija tifkira sabiħa – li tintrabat ma’ Pentekoste.

Pentekoste hi s-solennità tat-twelid tal-Knisja. U l-għada, il-Papa Franġisku ried li aħna nħarsu lejn Omm il-Knisja – bħalma ħafna drabi fit-twelid, wara li nħarsu lejn it-tarbija, inħarsu lejn l-omm. Illum aħna nħarsu lejn Marija li hija Omm u Xbieha tal-Knisja. It-titlu “Marija Omm il-Knisja” hu antik. Ġa nsibuh f’San Ambroġ, per eżempju, tant snin ilu. Il-Papa Pawlu VI kien semma dan b’enfasi wkoll fil-Konċilju Vatikan II. Anke qablu, il-Papa Ljun XIII, fl-1895, fl-Enċiklika tiegħu Adiutricem populi, kien semma lil Marija bħala Omm il-Knisja.

Imma aktar reċenti, din it-tifkira ngħatat prominenza biex aħna niftakru l-ewwel nett li Marija hija omm tagħna personali, bħalma rajna fl-Evanġelju skont San Ġwann meta minn fuq is-salib, proprju fil-mumenti ta’ tbatija, Ġesù jagħti din l-omm lid-dixxiplu l-maħbub. Lil Marija jgħidilha “Mara, hawn hu ibnek”, u lid-dixxiplu “Hawn hi ommok”. L-Evanġelju jgħid li “minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:26-27). Il-Knisja dejjem fehmet li ma kienx biss qed jafda lil Marija għand dan id-dixxiplu l-maħbub, imma li bħad-dixxiplu, kull dixxiplu għandu jkollu lil Marija bħala omm.

Il-Knisja fehmet ukoll li għalhekk Marija hija omm il-komunità kollha, kif narawha fil-fatt illum fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, meta l-appostli kienu miġburin flimkien f’Ġerusalemm wara li Ġesù tela’ s-sema – u llum smajna isimhom, wieħed wara l-ieħor – u jgħid li “lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, Omm Ġesù…” (Atti 1:14) Kienet hemm fil-bidu tal-Knisja, qed tistenna magħhom l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, biex imbagħad il-Knisja toħroġ u tħabbar lil Ġesù ħaj. Marija tfakkarna hawnhekk fit-talb li jrid ikun dejjem fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja. Hemmhekk Marija kienet dik li tgħaqqad il-Knisja, dik li bħalha omm tieħu ħsieb u tħares lill-Knisja. Aħna nafu kemm hu veru dan, għax aħna lil Marija nqimuha bħala Omm il-Knisja, jiġifieri li tħarisha, u tipproteġiha, u takkumpanjaha fil-mixja tal-ħajja. Nafu kemm għandna bżonnha fil-mumenti sbieħ imma wkoll fil-mumenti diffiċli, ta’ tbatija, jew kultant fil-mumenti ta’ konfużjoni. Għandna bżonn din l-omm li takkumpanjana.

Marija hija mhux biss Omm il-Knisja, imma Xbieha tal-Knisja. Jiġifieri fiha aħna naraw kif għandna ngħixu bħala Knisja. Speċjalment, il-Konċilju Vatikan II, fid-dokument li jitkellem fuq il-Knisja, jgħid li Marija “hija xbieha tal-Knisja fil-fidi u fl-imħabba” (Lumen gentium, 63). U naturalment ukoll, it-tama. Hi għexet dawn il-virtujiet hekk importanti. Meta nħarsu lejha, aħna ngħidu: hekk għandha tkun il-ħajja tagħna. Fil-fidi, jiġifieri li aħna nafdaw dejjem f’Alla u l-Kelma tiegħu, inqiegħdu l-fiduċja fih, anke meta ma narawx ċar, bħalma hi mhux dejjem rat ċar imma qiegħdet il-fiduċja f’Alla u l-Kelma tiegħu. Fl-imħabba, Marija dejjem narawha b’qalb li tħobb u li tfittex li tgħin, tfittex li tkun qrib tal-persuni għax tħobbhom. Hekk għandna nkunu aħna wkoll bħala Knisja, bħala komunità. Ukoll, Marija hija l-isbaħ eżempju ta’ tama kontra kull tama. Meta narawha taħt is-salib, bħalma rajnieha fl-Evanġelju llum, hi tibqa’ tittama li l-Kelma ta’ Alla sseħħ, bħalma seħħet, avolja minn barra kienet qed tara kollox jispiċċa. Eżempju għalina lkoll biex aħna wkoll f’ħajjitna, bħala Knisja, inkunu dawk li niżirgħu t-tama u eżempju ta’ tama sħiħa, bħalma għandna nkunu bħala dixxipli ta’ Ġesù.

Nitolbu lllum lil Marija, Omm u Xbieha tal-Knisja, biex tkompli tkun omm tagħna li takkumpanjana, u xbieha, mudell, li turina kif għandna ngħixu tassew il-ħajja tagħna Nisranija b’mod li nogħġbu lil Alla u f’qalbna jkollna, bħalma kellha hi, il-paċi, l-imħabba u l-ferħ tal-Mulej f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta