L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tħawdet ħafna għal dan il-kliem” (Lq 1:29). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum, skont San Luqa, fil-ġrajja sabiħa tat-Tħabbira tal-Mulej – il-Festa tal-Lunzjata. Nixtieq li llum nirriflettu proprju fuq dan. Marija “tħawdet ħafna” għall-kliem li qalilha l-anġlu Gabriel meta daħal għandha.
Taħwid kbir
Meta naqraw dan il-kliem tant snin wara, jista’ jkun li naħsbu: mhux bilfors titħawwad! Jekk qed jgħidilha l-anġlu li se jkollha iben, u hi taf li għadha mhix qed tgħix ma’ Ġużeppi, mhux bilfors titħawwad! U jekk jgħidilha li se jkun bniedem speċjali, mhux aktar titħawwad! Imma fil-fatt – u kultant ma ninnutawx – meta l-Evanġelju jgħid li Marija tħawdet, mhux għal dan qed jgħid, imma għat-tislima tal-anġlu. Minn hemm beda t-taħwid tagħha, meta hi semgħet lill-anġlu jgħidilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28).
Tħawdet għaliex hi kienet midħla tal-Iskrittura, u kienet taf li kien qed jgħid xi ħaġa verament kbira. Jekk l-anġlu qalilha li “mimlija bil-grazzja”, huwa Alla biss li jista’ jimla bil-grazzja. Għalhekk Marija tħawdet għal dan il-kliem. Imma li jolqotna ħafna f’dan ir-rakkont hu li aktar ma beda jitkellem l-anġlu, aktar kellha għalfejn titħawwad. Għax jekk hi tħawdet meta semgħet it-tislima, mela kemm aktar meta jgħidilha li se jkollha iben – u għalhekk tistaqsi “kif jista’ jkun dan?” U mhux biss li se jkollha iben, imma li dan se jkun xi ħadd speċjali? Hawnhekk l-anġlu jgħidilha: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 1:32-33). U meta jispjegalha li dak li se jseħħ, se jseħħ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jgħidilha li t-tifel se jkun “qaddis, u jissejjaħ bin Alla” (Lq 1:35).
Immaġinaw: jekk tħawdet meta l-anġlu qalilha “mimlija bil-grazzja”, mela kemm aktar kellha għalfejn titħawwad meta qalilha x’se jseħħ fiha: li se tnissel u jkollha iben li hu bin Alla.
La tibżax
Imma li jolqotna ħafna f’dan l-Evanġelju hu li aktar ma l-anġlu qalilha affarijiet li jistgħu jħawduha, aktar hi fetħet qalbha għall-kelma ta’ Alla b’mod li Alla seta’ jitnissel fiha. Jolqotna kif l-anġlu jgħidilha “Tibżax, Marija” (Lq 1:30). Aħna nafu li fl-Iskrittura, kemm fit-Testment il-Qadim kif ukoll fit-Testment il-Ġdid, is-sejħa ta’ Alla spiss tiġi b’din il-kelma “tibżax”. Għax Alla jaf li l-biża’ hu r-reazzjoni naturali li nħossu.
Għalhekk l-anġlu qed jgħidilha: Huwa Alla li se jwettaq dan fik, u għalhekk se jagħtik il-grazzja li tegħleb it-taħwid, li tegħleb dak li ma tistax tifhem, li tegħleb il-biża’. Għal kull mument li hemm għalfejn titħawwad aktar, l-anġlu jagħtiha l-assikurazzjoni li dan kien qed iseħħ minn Alla u għalhekk għandha għalfejn tifraħ.
Isir minni skont kelmtek
Hu għalhekk li Marija tgħid fl-aħħar: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Nafu li din kient il-ġrajja li mmarkat il-ħajja ta’ Marija għax dak li qalet hawnhekk proprju fit-tmiem tal-laqgħa tagħha mal-anġlu kien dak li għexet tul ħajjitha kollha.
Għednieha llum fis-Salm “Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek” (Salm 40) u l-istess kliem fit-Tieni Qari (Lhud 10:7), u nafu li hemmhekk hemm il-qofol tal-ħajja tagħna wkoll: li aħna tassew infittxu li nagħmlu dak li jrid Alla f’ħajjitna. Tolqotna kif dak li qalet hawn f’din il-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej, Marija għexitu f’kull mument tal-ħajja tagħha. F’kull ġrajja ta’ ħajjitha kellha biex titħawwad, imma f’kull ġrajja kellha l-kelma ta’ Alla li tgħidilha “tibżax”; u f’kull ġrajja hi tgħid “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.
Mhux konsulent
Nixtieqkom tinnutaw li meta Marija tlissen dan il-kliem, dan ifisser li għaliha Alla kien il-Missier kollu mħabba, u hi lesta biex tagħmel ir-rieda tiegħu għax taf li minnu tiġi biss l-imħabba. Għalhekk hi qaddejja tiegħu. Għal Marija, Alla ma kienx konsulent. Nafu li l-ħajja llum mimlija konsulenti li jagħtu l-pariri; imma mbagħad tiżen il-parir u tara għandekx timxi skont il-parir tagħhom. Hawn ħafna konsulenti li jkunu taw parir siewi imma dan jitwarrab.
Għal Marija, Alla mhux konsulent li tistaqsih x’jaħseb imbagħad tiżen għandekx timxi skont dan il-parir. Meta Marija tgħid li hi l-“qaddejja tal-Mulej”, qed tgħid li Alla jaf x’inhu ta’ ġid għaliha, il-kelma tiegħu hija l-kelma li għandha tmexxiha. Dan messaġġ importanti għalina: aħna nkunu tassew qed nagħżlu t-tajjeb meta nagħmlu dak li jrid Alla. Mhuwiex meta hu jgħidilna kelma u aħna niżnu nimxux magħha jew le, togħġobniex jew le. Huwa meta nagħmlu dak li Alla jitlob minna
Din il-ġrajja tgħid ħafna lilna għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ħaġa sabiħa ħafna fir-rakkont ta’ din il-festa hi li dak li tgħallimna Marija mhuwiex ristrett għal xi okkażjoni partikulari li tiġi biss xi darba. Imma huwa għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kultant jiġrilna bħal Marija – nitħawdu, nistaqsu, ma nifhmux. Imma nafu wkoll li jekk ikollna fidi qawwija bħalma kellha hi, imbagħad se nisimgħu tassew il-kelma ta’ Alla “la tibżax” – il-kelma li tmexxina fil-ħajja tagħna.
Kif beda u kif spiċċa
Dan hu l-messaġġ li tajjeb li nieħdu llum: li niftakru dan ir-rakkont kif beda u kif spiċċa. Beda b’Marija li “tħawdet ħafna”, imma mbagħad spiċċa bil-kelma tagħha li, anke jekk ma fehmitx kollox, qalet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).
Nitolbu lill-Mulej għalina lkoll il-grazzja li aħna, fil-mumenti differenti tal-ħajja tagħna, speċjalment meta aħna nitħawdu ħafna, meta aħna nistaqsu ħafna, jew meta jkun hemm ħafna affarijiet li ma nifhmux, dejjem nafdaw f’Alla, dejjem infittxu l-kelma tiegħu u r-rieda tiegħu, ħalli nkunu nistgħu nwieġbu f’ħajjitna bħal Marija: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta