L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla ta’ tħin u jitfgħuh il-baħar” (Lq 17:2). Dan huwa l-kliem qawwi li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju fuq min jagħti skandlu. Partikolarment fuq min jagħti skandlu, jgħid Ġesù, “lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin”. Hu kliem iebes dan fuq fomm Ġesù, mhux sikwit li nisimgħu dan il-kliem iebes minn Ġesù. Imma Ġesù kien l-aktar iebes ma’ dawk li huma ipokriti u ma’ dawk li jagħtu skandlu.
X’qed jgħid Ġesù b’dan il-kliem? Meta xi ħadd ikollu ġebla ta’ tħin ma’ għonqu u jitfgħuh il-baħar, ma jibqax jidher. Ikun f’pożizzjoni li qatt ma jista’ jagħmel ħsara. Ġesù hekk qed jgħid: ikun aħjar li bniedem bħal dan, li jagħti skandlu, jitqiegħed f’pożizzjoni li ma jistax jagħmel aktar ħsara – dik li llum insejħula “tolleranza żero”, jiġifieri qed ngħidu l-istess ħaġa bi kliem differenti: li ma jistax jagħti aktar skandlu.
Imma fl-istess silta li smajna fl-Evanġelju llum, Ġesù jitkellem fuq il-maħfra. Jgħid: jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub u jitolbok maħfra, aħfirlu; u jekk jonqsok seba’ darbiet u jitolbok maħfra, aħfirlu għal seba’ darbiet (ara Lq 17:3-4). Hu l-kliem li jgħid Ġesù, li aħna nitolbu wkoll fit-talba tal-Missierna meta ngħidu: “aħfrilna bħalma aħna naħfru”. Mhux l-ewwel darba li Ġesù jenfasizza li għandna nkunu lesti li naħfru lil min hu ħati għalina, bħalma hu għallimna u hu wriena; u nagħmlu dan, qed jgħid Ġesù, mingħajr limitu jew kundizzjoni.
Issa hawn, fl-istess nifs, Ġesù qed jgħid minn banda li aħna naħfru, u naħfru mhux darba imma nkomplu naħfru; imma mill-banda l-oħra qed jgħid li min jagħti skandlu jorbutlu ġebla ta’ tħin ma għonqu u jitfgħuh ’il baħar. Allura min jagħti skandlu għaliex torbotlu ġebla ta’ tħin ma għonqu? Nifhmu għaliex jekk aħna nagħrfu sew x’jiġifieri taħfer, kif irid minna l-Mulej. Meta ngħidu taħfer, jiġifieri li jien, għad-deni li nirċievi, ma npattix deni b’deni, ma nweġġgħax lil min weġġagħni, ma nagħmilx ħsara lil min għamilli ħsara, ma ninsultax lil min insultani. Taħfer tfisser li tagħżel li ma tpattix bl-istess mod għall-ħsara li rċevejt. Kultant aħna qisna nħawduha ma’ li tħoss. Imma taħfer mhijiex għax ma tħossx. Jekk xi ħadd weġġgħek, tħoss. Imma taħfer ifisser: minkejja dak li nħoss fija, għandi rabja fija, inħoss ġewwa jbaqbaq, jien nagħżel li naħfer u ma nagħmilx ħsara. Il-maħfra hija għażla.
Imma l-maħfra ma tfissirx impunità. Din jgħid ċara l-Papa Franġisku, u nixtieq insemmi hawnhekk x’jgħid meta jispjega dan fl-Enċiklika Fratelli Tutti. Jgħid hekk: aħna msejħin biex inħobbu lil kulħadd bla eċċezzjonijiet, imma li nħobbu lil xi ħadd li jagħmel ħsara ma jfissirx li nħalluh jagħmel ħsara, u lanqas li nagħtuh x’jifhem li dak li qed jagħmel hu aċċettabbli. Bil-maqlub, il-mod tajjeb kif inħobbuh hu billi nfittxu b’diversi modi li nwaqqfuh milli jkompli jagħmel ħsara, u nneħħulu dik is-setgħa li ma jafx jużaha u li qed tgħarraq l-umanità tiegħu. Il-Papa Franġisku jgħid hekk: “Naħfru ma jfissirx inħallu lil min ikompli jżeblah id-dinjità tiegħu jew ta’ ħaddieħor, u li nħallu lil xi ħadd kriminali jkompli jagħmel il-ħażin” (Fratelli Tutti, 241). Ifisser li nieħdu passi. Il-maħfra mhux biss ma tneħħix din il-ħtieġa, anzi titlobha. Għalhekk nifhmu l-kliem li qal Ġesù llum fuq il-maħfra, imma wkoll fuq min jagħti skandlu.
Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina l-għerf tiegħu biex aħna nagħrfu kif inħobbu b’imħabba qawwija, kif naħfru mill-qalb, imma wkoll kif nieqfu lil kull min jagħmel il-ħsara u jagħti skandlu biex ma jkunx f’pożizzjoni li jkompli jagħmel ħsara u jagħti skandlu – u nagħmlu dan sewwasew immexxija mill-imħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta