Aħna u niċċelebraw il-festa ta’ San Franġisk, nifhmu kemm huma importanti dawn iż-żewġ aspetti, li Ġesù kien isib fl-ambjent fejn seta’ jkun f’ambjent ta’ mistrieħ, mal-ħbieb. Kien japprezza żgur ix-xogħol ta’ Marta li kienet tnaddaf u ssajjar, imma apprezza wkoll l-atteġġjament ta’ Marija li tisimgħu b’ħerqa u bi mħabba kbira.

San Franġisk jgħallimna dawn iż-żewġ aspetti. Lil uliedu spiritwali, lil ħbieb tiegħu qalilhom: ‘Oħorġu u pprietkaw, meta jkun hemm bżonn użaw il-kliem. X’ried jgħid biha San Franġisk din l-espressjoni? Inti tipprietka l-Evanġelju ta’ Ġesù bil-ħajja tiegħek, bil-mod kif iġġib ruħek mal-proxxmu, bl-imħabba tal-ħarsa t’għajnejk, tal-kelma tiegħek fuq il-proxxmu, bil-mod kif taħseb fuq ħaddieħor. Kultant uħud minna jiġu msejħa biex jipprietkaw; imma mhux dik l-ikbar xhieda tal-Evanġelju. Ix-xhieda tal-Evanġelju hi fuq kollox ix-xhieda tal-imħabba. Aħna nitgħallmu l-imħabba billi noqgħodu f’riġlejn Ġesù, u nifhmu x’jiġifieri  meta qalilna: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 12:30).

Il-Knisja llum, tfaħħar u tfakkar lil San Franġisk, għall-faqar li għażel, għax hu kien ġej minn familja sinjura; li għamlet ħafna flus minħabba l-gwerer ta’ dak iż-żmien; imma wkoll għall-umiltà tiegħu. San Franġisk irrealizza ċ-ċokon tiegħu, u l-Mulej użah biex jerġa’ jibni x-xhieda tal-Evanġelju. Dik il-vuċi li sema’ f’San Damjanu, kappella mwaqqgħa fil-kampanja, mhux ’il bogħod minn Assissi: ‘Franġisku, ibni l-Knisja tiegħi’. Hu fehemha konkretament, għaliex il-vuċi mill-Kurċifiss, illum dan kurċifiss magħruf bħala ta’ San Franġisk jew ta’ San Damjan; kienet dik li jibni, u fehem li jibni din il-knisja, u beda jibni l-knisja mill-ġdid, il-kappella ta’ San Damjan. Imma bix-xhieda tiegħu, San Franġisk reġa’ bena x-xhieda sabiħa tal-Evanġelju. Aħna nitolbu ħafna għall-ulied spiritwali ta’ San Franġisk, li fid-dinja huma ħafna, biex ikollhom din il-grazzja kbira, li jkunu xebh sabiħ ta’ Ġesù bħalma kien San Franġisk.

San Franġisk lejn it-tmien ta’ ħajtu kellu wkoll din il-missjoni li jġorr fil-ġisem tiegħu l-pjagi ta’ Ġesù. Kienet lejn l-aħħar snin ta’ ħajtu, l-aħħar xhur ta’ ħajtu, u għadda minn sofferenza kbira. Kellu dan l-atteġġjament tas-sofferenza li lilna jaħsadna. Ħafna drabi, meta kien ikun f’sitwazzjoni diffiċli, kien jiftakar fil-ferħ. Meta staqsewh liema hi l-akbar ferħa? Qalilhom din l-istorja ċkejkna: immaġinaw f’lejl ta’ tempesta, bis-silġ u l-borra neżlin, u l-ħsieħ, naslu mill-vjaġġ, inħabbtu fuq il-bieb tal-kunvent, u l-fra jgħidilna: ‘issa tard wisq, mhux se niftħilkom, għax mhux nagħrafkom’, u jħallina barra. Għal San Franġisk, dik kienet la perfetta letitia. Għalina dan il-kliem stramb, għax aħna anke jekk nitilfu ċ-ċavetta jew is-serratura ma taħdimx, minn jaf x’ngħidu, minn jaf kemm ingergru. Il-qaddisin jgħallmuna paċenzja straordinarja.

Ix-xhieda tal-Evanġelju hi fuq kollox ix-xhieda tal-imħabba. Aħna nitgħallmu l-imħabba billi noqgħodu f’riġlejn Ġesù

Intom għeżież residenti, qegħdin hawnhekk, u nista’ nimmaġina li tridu tużaw ħafna paċenzja matul il-ġurnata. Paċenzja b’dak li jinqala; paċenzja b’xi ħaġa li tiġri fis-saħħa tagħna mingħajr ma nkunu qed nistennewha; paċenzja anke bl-ambjent kollu. Aħna wkoll napprezzaw il-paċenzja li jieħdu bina l-istaff, il-qraba tagħna. Ejjew nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Franġisk, biex fil-paċenzja nsibu triq ta’ ferħ, mhux ta’ għejja, jew ta’ tgergir. Mhux faċli din il-ħaġa, għalhekk nitolbu ħafna l-interċessjoni ta’ San Franġisk għal din il-grazzja.

Aħna nafu wkoll li l-Papa għażel l-isem ta’ dan il-qaddis. Allura llum fil-festa ta’ San Franġisk, niftakru fil-Papa Franġisku. L-għażla ta’ dan l-isem tfisser ħafna. Hu l-ewwel papa, il-Papa Franġisku, li għażel dan l-isem għalih. L-għerq tal-isem ‘Francesco’ jfisser: ‘bniedem liberu’, bniedem ħieles. Il-ħelsien tal-bniedem li jaf li hu midneb, imma mħaddan kontinwament mill-ħniena ta’ Alla. Ejjew nitolbu li aħna wkoll ikollna din il-libertà, dan il-ħelsien. Dan il-ħelsien jiġi mill-ħniena t’Alla, mill-verità wkoll, fuqna nfusna u fuq ir-realtajiet ta’ madwarna.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Gal 1:13-24
Salm: 138 (139):1-3,13-14ab,14ċ-15
L-Evanġelju: Lq 10:38-42

Aktar ritratti >>